Il-Kamra tal-Kummerċ tikkonsidra ‘kapitlu magħluq’ iż-żieda fil-leave bħala kumpens għal meta festa pubblika tinzerta fi tmiem-il ġimgħa.
Fi stqarrija qalet li mhux tajjeb li wieħed iqanqal kwistjonijiet mill-passat, li ilhom konklużi aktar minn għaxar snin.
L-introduzzjoni tal-kumpens fil-leave taffettwa b’mod dirett il-produttività fil-pajjiż, temmen il-Kamra tal-Kummerċ, u dan jaffettwa l-kompetittività.
“Ma nistgħux nikkontemplaw li ndgħajfu l-kompetittività ta’ Malta”. Fi żmien meta l-pajjiż sejjer tajjeb, tennet il-Kamra, għandu jkun hemm reżistenza għat-tentazzjoni li wieħed jibda ma japrezzax dan l-andament tajjeb.