Kapitlu Ġdid.
Din kienet it-tema li xprunat diskussjoni fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, bis-sehem ta’ diversi storiċi u riċerkaturi, wara li ftit tal-ġimgħat ilu, ġiet organizzata wirja bl-istess tema, li xeħtet dawl fuq fatti ġodda dwar l-istorja tal-Partit Laburista.
Il-kelliema elenkaw l-importanza li l-Partit Laburista, mhux biss jiffoka fuq avvanzi ġodda, iżda wkoll fuq il-preżent u l-futur.
Ir-riċerkatriċi, Jackie Mercieca, spjegat kif sa mill-bidu tiegħu, il-Partit Laburista dejjem xpruna bidlet kbar, għal aktar ġustizzja soċjali.
Stqarret, “L-affarijiet bdew fl-1920, meta twieled dan il-Partit u ħalef, u ħolom li jġib bidla, u l-bidla waslet, matul is-snin, saru bidliet kbar, fl-istruttura tas-soċjetà, ġustizzja soċjali, l-oppurtunitajiet, huwa importanti li ma ninsewx minn fejn bdejna u minn fejn ġejna.”
Il-Professur Carmen Sammut, spjegat kif il-Partit Laburista, beda jimmobilizza n-nisa, anke fi żmien meta lanqas kellhom dritt għall-vot.
Qalet, “Il-Partit Laburista, mill-ewwel, mis-snin 20 beda jimmobilizza n-nisa. Tant hu hekk, li sa 10 snin wara t-twaqqif tiegħu diġà kien hemm 24 mara fil-kumitati distrettwali, minkejja, li dawn lanqas kellhom il-vot, u lanqas kellhom il-jedd li joħorġu għal elezzjoni.”
Michael Buhagiar, li wkoll huwa riċerkatur, semma kif dokumenti li nstabu riċentament, biddlu l-istorja tal-Partit Laburista.
Stqarr, “Biss, ftit li xejn intqal fuq Carmela Bencini. Hemm ħjiel li tat 300 mitt lira biex inbeda l-Partit imma ma kien hemm xejn dokumentat, ħlief dawn l-istejjer. B’dawn il-kuntratti nstab li hi daħlet garanti.”
Il-Professur Dominic Fenech, li huwa Professur u Kap tad-Dipartiment tal-Istorja fi ħdan l-Università ta’ Malta, tenna kif sa mill-bidu tiegħu, il-Partit Laburista kien innovattiv.
Qal, “Kien Partit innovattiv, għaliex filwaqt li l-Partiti l-oħra kienu Stricklandjani, u n-Nazzjonalisti u partiti oħrajn li kienu aktar marbutin mal-mexxej tagħhom, il-Partit Laburista ma kienx minn fuq għal isfel, kien minn taħt għal fuq.”
Intant, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Daniel Micallef, qal kif huwa essenzjali li minkejja li ż-żminijiet inbidlu, wieħed jista’ juża l-istess għodda u prinċipji, anke fid-dawl ta’ diversi sfidi.
Stqarr, “Id-diskussjoni li kellna ma kellniex biss ħarsa lejn l-istorja, nies esperti fl-istorja u l-interpretazzjoni tal-istorja, imma r-relevanza tal-istorja għall-ġurnata tal-lum, f’kuntest ta’ soċjetà u dinja differenti imma bi sfidi li biex tindirizzahom hija l-għodda komuni li kellhom dawk ta’ qabilna li kellhom mitt sena ilu.”