“L-istqarrijiet tal-Partit Nazzjonalista huma l-akbar xhieda kif il-Kap tal-Oppożizzjoni hu interessat biss fil-logħob politiku partiġġjan u mhux l-interess nazzjonali.”
Din kienet ir-reazzjoni tal-Partit Laburista għal stqarrija minn Bernard Grech u Adrian Delia fejn għamluha ċara li ħa jkomplu jippreġudikaw il-pożizzjoni ta’ pajjiżna fl-arbitraġġ internazzjonali.
Fil-fatt, fl-istqarrija tiegħu, il-Partit Laburista qal li issa l-Partit Nazzjonalista qed isir aktar perikoluż għal pajjiżna, għax bl-azzjonijiet tiegħu qed jipperikola l-azzjonijiet li l-Gvern diġà ħa xhur ilu fl-interess nazzjonali. Liema deċiżjonijiet kien spjegat li ttieħdu mill-Gvern fuq parir tal-Avukat tal-Istat u ta’ ditti legali lokali u internazzjonali. Dan fl-istess ħin li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ jirrepeti l-ħrafa li l-Gvern ma ħa ebda azzjoni.
Il-Partit Laburista sostna wkoll li l-għan tal-Kap tal-Oppożizzjoni hu li jfixkel l-azzjonijiet tal-Gvern biex jibqa’ jippersisti fil-gidba li ntefqu xi €400 miljun u l-pajjiż ma ħa xejn tagħhom. Xi ħaġa li la qalha l-Awditur Ġenerali u lanqas il-Qrati, tant li l-Partit Nazzjonalista dan il-punt ma jirreferi għalih qatt fl-azzjonijiet li jagħmel inkluż fil-qrati.
Il-Partit Laburista temm jgħid li llum li l-maskra tal-Partit Nazzjonalista qed taqa’, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spiċċa joħroġ l-istqarrijiet ta’ paniku.