Il-Partit Laburista qal li d-dikjarazzjonijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni fuq il-midja soċjali dwar il-mewt taż- żagħżugħ Jean Paul Sofia iqajmu diversi mistoqsijiet, fosthom dwar kemm hu tassew interessat fil-vera ġustizzja.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li, jekk ma tinħatarx inkjesta oħra ma’ li dik li diġà hemm, dan ikun ifisser li xi ħadd qed jgħatti.
Il-PL qal li, meta hemm inkjesta maġisterjali li hi maħsuba biex tinvestiga l-każ wieħed jistaqsi jekk hix din il-fiduċja li l-Kap tal-Oppożizzjoni qal li għandu fil-maġistratura fl-aħħar jiem. Wieħed jistaqsi wkoll jekk il-Kap tal-Oppożizzjoni hux qed jgħid li l-Maġistrat inkwirenti qed tgħatti lil xi ħadd.
L-istqarrija tfakkar li l-Prim Ministru kien ċar fl-appell tiegħu fil-Parlament biex din l-inkjesta u l-investigazzjonijiet isiru f’serenità u jitlestew b’ħeffa ħalli ssir ġustizzja mal-familja tal-vittma u mas-soċjetà.
“Kieku tassew jinteressah mill-ġustizzja, l-inqas ħaġa li seta’ jagħmel il-Kap tal-Oppożizzjoni kien li jtenni dan l-appell, biex jekk hemm min hu responsabbli jaffaċċja l-ġustizzja llum qabel għada,” qal il-PL. “Iżda jidher li l-Kap tal-Oppożizzjoni iktar jinteressah mill-istunts politiċi milli mill-vera ġustizzja.”