Il-Partit Laburista qal li “llum għandna konferma ta’ Kap tal-Oppożizzjoni giddieb, populist u għalhekk perikoluż.”
Fi stqarrija, ingħad li issa anke dwar suġġett bħar-riforma fil-qrati tad-droga, Bernard Grech niżel għal din it-triq b’filmat fuq il-midja soċjali li jaf li m’għandhomx mis-sewwa.
Il-Partit Laburista sejjaħ lil Bernard Grech giddieb għax meta jgħid li hemm xi proposta li 500 pillola ecstasy jkunu għall-użu personali jaf li mhux vera. Intqal li min jittraffika d-droga se jibqa’ meqjus bħala traffikant.
Il-Partit Laburista sejjaħlu bħala populist, għax konsultazzjoni pubblika li tmur lil hinn mill-gidba tiegħu, qed jużaha biex ibeżża’, flok biex jikkontribwixxi b’mod matur fid-dibattitu.
Sejjaħlu wkoll bħala perikoluż, għax meta min hu politikament iddisprat bħalu jispiċċa jigdeb u jkun populist, ikun qed ixerred biża’ fis-soċjetà li m’għandhiex mis-sewwa.
Il-Partit Laburista temm jinnota din il-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma fil-qrati tad-droga u fiż-żmien li ġej se jkun qed janalizza l-White Paper u jagħti wkoll ir-rispons tiegħu kif għamel fi drabi oħrajn.