L-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista rreaġixxa għal kliem Simon Busuttil, li qal li l-politika ta’ Joseph Muscat qiegħda twassal għal diżugwaljanza li tolqot lil kulħadd.
Il-Partit Laburista qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu l-arroganza li jkun hu judge and jury fuq kull każ.
Qal li kull inkjesta li jkun hemm fuq każijiet li jinvolvu membri tal-Gvern jipprova jiskreditaha sakemm l-inkjesta ma tkunx tgħid dak li jdoqq għal widnejh kif ġieli ġara fuq inkjesti fuq Ministri tal-Gvern li l-ewwel jattaka l-inkjesti sakemm ma jkunx jaqbillu jikkwotahom.
L-unika Mexxej ta’ Partit li qatt ħa azzjoni fuq eżitu ta’ inkjesti u rapporti kien il-Prim Ministru Joseph Muscat, sostna l-Partit Laburista.
Żied jgħid li Simon Busuttil falla test wara l-ieħor u kull darba li l-inkjesti jew rapporti ta’ istituzzjonijiet ikunu fuq nies tal-klikka tiegħu bħal Beppe Fenech Adami, Jason Azzopardi jew Chris Said jew jattakka l-istituzzjoni jew jinjorahom. Fil-każ ta’ dawn it-tliet membri prominenti għadu rapport skjetti ta’ kundanna mill-Awditur Ġenerali u eks-Imħallfin.
Il-kredibiltà ta’ Busuttil sfaxxat fix-xejn meta waqt li kien qed jippriedka l-onesta, minn wara dahar kulħadd kien qed idendel idejh f’donazzjonijiet illegali minn negozju ewlieni f’pajjiżna. Agħar minn hekk gideb u qal li kienu xi forma ta’ riklamar meta riklamar qatt ma ħarġu. L-unika bniedem li huwa responsabbli għal din il-froġa ta’ skema korrotta biex jiffinanzja lill-Partit Nazzjonalista llegalment huwa Simon Busuttil.
B’hekk Busuttil joħroġ ta’ falz meta jitkellem bħal m’għamel ilbieraħ, temm jgħid il-Partit Laburista.