Stħarriġ tal-opinjoni pubblika ‘online’ li kien qiegħed isir minn The Malta Independent spiċċa għand il-pulizija wara li qed jingħad li kien ‘hacked’ minn nies li jappoġġjaw lil Chris Said biex il-kandidat minn Għawdex jingħata vantaġġ fuq Adrian Delia, li f’dan l-istħarriġ kien ras imb ras miegħu.
L-Independent titmexxa minn Pierre Portelli, li qed jappoġġja lil Adrian Delia, u dan il-każ ittieħed b’serjetà kbira tant li spiċċa rrapportat fil-faċċata tal-gazzetta tal-lum fejn intqal li sar rapport mas-cyber crime unit tal-pulizija u għaddew l-informazzjoni kollha.
Qalu wkoll li waqfu l-IP adresses ta’ min hu suspettat bl-attakk elettroniku milli jipparteċipaw iktar fuq is-sistema online tal-gazzetta.
The Malta Independent qalet li din hi l-ewwel darba li stħarriġ minn tagħha spiċċa hacked. Xhieda ta’ kemm mhi tellieqa bejn il-ħbieb xejn dik għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Jirriżulta li sakemm sar dan l-attakk Said u Delia kellhom ħames t’elef vot kull wieħed, iżda fi ftit ħin Chris Said tella’ iktar minn tletin elf vot. Jidher li n-nies ta’ Delia bdew jipprotestaw ma’ The Malta Independent li b’mod immedjat talbu investigazzjoni minn Deloitte Digital.