L-Inġinier Karl Farrugia ġie maħtur bħala Kap Eżekuttiv tal-Kura tas-Saħħa Primarja u Roseanne Camilleri ġiet maħtura bħala Kap Eżekuttiv tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali.
Dawn iż-żewġ ħatriet ġodda ġew imħabbra mill-Ministeru għas-Saħħa.
Intqal li l-Inġinier Farrugia għandu aktar minn għoxrin sena ta’ esperjenza, fejn fost oħrajn kien Kap Eżekuttiv tas-Central Procurement and Supplies Unit, is-CPSU.
Waqt il-pandemija globali, Karl Farrugia inħatar ukoll mill-Gvern biex jirrappreżenta lil Malta fil-Grupp ta’ Azzjoni Strateġika tal-Akkwist Konġunt tal-Unjoni Ewropea. Fl-2022, huwa ngħata l-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika.
Min-naħa tagħha, Roseanne Camilleri kienet strumentali biex tixpruna avvanzi sinifikanti fis-settur tal-kura tas-saħħa f’pajjiżna.
Fost oħrajn, mill-2017, hi serviet bħala Kap Eżekuttiv tal-Kura tas-Saħħa Primarja, wara għaxar snin tmexxi l-POYC.
Hija gradwata b’MBA b’Distinzjoni mill-Università ta’ Grenoble, kif ukoll ċertifikazzjoni postgraduate fl-immaniġġjar tal-isptar mill-Università ta’ Birmingham.
Camilleri sservi wkoll fi rwoli akkademiċi fosthom bħala Associate Dean fl-Università Queen Mary ta’ Londra – Malta
Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela awgura lill-Inġinier Karl Farrugia u lil Roseanne Camilleri għall-irwol il-ġdid tagħhom.