Il-Bord tal-MGA ħatar lil Heathcliff Farrugia bħala l-Kap Eżekuttiv (CEO) ġdid tal-MGA. Heathcliff Farrugia huwa s-suċċessur ta’ Joseph Cuschieri, li aktar kmieni dan ix-xahar kien maħtur bħala Kap Eżekuttiv tal-Malta Financial Services Authority (MFSA).
Is-Sur Farrugia għandu ‘Masters in Business Administration (MBA)’ mill-Università ta’ Leicester fir-Renju Unit u huwa speċjalizzat fil-ġestjoni tan-negozju, fl-effiċjenzi operattivi, fl-ippjanar strateġiku u fir-regolamentazzjoni. Matul il-karriera professjonali tiegħu, huwa kellu diversi rwoli eżekuttivi għoljin kemm fis-settur privat u anke f’dak pubbliku. Fl-2014, is-Sur Farrugia ngħaqad mal-Awtorità tal-Logħob fl-irwol ta’ Chief Operations Officer (COO) u kien strumentali fil-proċess ta’ transformazzjoni li għaddiet minnu l-Awtorità. Huwa żamm din il-kariga għal sentejn, biex imbaghad fl-2016 ħa l-irwol ta’ Chief Regulatory Officer (CRO) fid-dipartiment Regolatorju. F’dan l-irwol, huwa kien responsabbli mill-aspetti regolatorji kollha tal-Awtorità, b’attenzjoni speċifika fuq ‘Regulatory Supervision’, ‘Authorisations’, ‘Compliance’ u ‘Player Support’.Fl-istess waqt, huwa kien ukoll membru tal-Kunsill Superviżorju, u ko-President tal-Kumitat ‘Fit and Proper’, kumitat fdat bil-valutazzjoni ta’ kemm huma xierqa u onorabbli individwi u kumpaniji li japplikaw għal liċenzja tal-MGA. Is-Sur Farrugia kien membru tal-Bord tal-Forum Ewropew tar-Regolaturi tal-Logħob (GREF), fejn issa huwa membru u huwa wkoll membru tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tar-Regolaturi tal-Logħob (IAGR) u tal-Assoċjazzjoni tal-Konsulenti tal-Logħob (IAGA).
Qabel ingħaqad mal-MGA, is-Sur Farrugia qatta’ parti kbira mill-karriera tiegħu fl-industrija tat-telekomunikazzjoni, speċifikament ma’ Vodafone Malta, fejn kellu diversi rwoli maniġerjali. Fl-2013, huwa kien inħatar bħala Customer Value Management (CVM) Manager ma’ Vodafone Italy, f’Milan, fejn kien responsabbli b’mod ġenerali mill-ippjanar u mill-istrateġiji fid-Dipartiment tal-Konsumatur.