Is-Sinjura Ruth Sciberras nħatret Kap Eżekuttiv għall-Awtorità tal-Istandards u l-Ħarsien Soċjali.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal.
Intqal li Sciberras għandha ħafna snin ta’ esperjenza, fejn ħadmet fil-qasam soċjali għal dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena u serviet f’diversi karigi importanti fejn ir-responsabbiltajiet tagħha dejjem kienu l-ħarsien tat-tfal, tal-persuni b’diżabilità flimkien mal-vittmi tal-vjolenza domestika.
F’din l-istqarrija, il-Ministru Michael Falzon awgura lil Sciberras għall-kariga l-ġdida tagħha, waqt li tenna li din il-ħatra turi biċ-ċar ir-rieda tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ is-settur soċjali b’nies ta’ kompetenza għall-ġid ta’ kulħadd.