Ħassejt li Joseph Muscat ma kien komdu xejn bis-sitwazzjoni li nħolqot, li żewġ vapuri tal-NGOs ġabru xi nies fl-ibħra tal-Italja u baqgħu ġejjin hawn fl-ibħra taghna. Skont il-liġi internazzjonali, r-responsabbilità kienet tal-Italja. Sempliċi. Fejn ikunu se jegħrqu u jiġu salvati, hemm tidħol ir-responsabbilità tal-pajjiż li fl-ibħra territorjali tiegħu, ikun sar is-salvataġġ.
L-Italja nzertat agħar minna f’dan ir-rigward, għax Lampedusa hija eqreb lejn l-Afrika milli Malta. Dan fatt ġeografiku.
Anke l-kliem li qal meta ta l-aħbar mhux biss kien f’waqtu, imma wera verament is-sentimenti tiegħu u tal-Maltin. Ngħidu x’ngħidu, aħna l-Maltin qalbna tajba u nħennu. Mhux ta’ b’xejn li meta San Pawl għereq fl-ibħra Maltin u dam tliet xhur hawn, stqarr li l-Maltin “laqgħuna ħafna u nies ta’ qalb tajba.” San Pawl għamel żmien joqgħod fuq ir-riħ ta’ Burmarrad, fil-post magħruf bħala San Pawl Milqi, jiġifieri, il-Milqugħ…..jekk tridu tafu fejn tibqa’ sejjer fit-telgħa fejn joqgħod Joseph Muscat.
Malta hija qalbha tajba u allaħares ma tkunx hekk. Fid-dinja, illum int għada jien. Imma ma tistax tkun fidila jew ċuċ.
Jekk kienet responsabbilità tat-Taljani baqgħet responsabbilità tagħhom, imma kuntrarjament għal dak li kienu jgħidu qabel li ma jridux jerfgħu t-tagħbija waħidhom, issa bil-bidla tal-gvern, ma jridu jerfgħu xejn. “X’jimpurtani mil-liġijiet u trattati internazzjonali. Jien għandi s-sħħa u ala biebi.”
Kieku Joseph Muscat ċeda għal attitudni bhal din, kien ikun ġifa. Minkejja li l-ġurnalisti Taljani kienu qed jostru l-verità li s-salvataġġ sar fl-ibħra tagħhom, bdew jagħmlu enfasi li l-vapuri kienu Malta u konna qed nirrifjutaw li ngħinu.
Dan mhux il-karattru tagħna. Il-karattru li ngħinu u tal-ħniena. Mela meta kien hemm it-terremot fl-Italja, fl-Irpinia, fl-1980, sar ġbir minn Malta kollha. Mhux biss gvieret eċċ eċċ, imma flus. Kienet ġietni kurżità. Fl-Italja ġabru wkoll, naturalment. Il-Maltin ras għal ras taw aktar mit-Taljani lil ħuthom stess !!
U biex aktar tidher il-kattiverja tal-gvern Taljan, wara li ttieħdet id-deċiżjoni u l-Italja se jmissha biċċa, Salvini il-Ministru tal-Intern li kien qed iħawwad fil-borma fil-Polonja, stqarr li hu rrabjat li ċedew u ma kinux ikkonsultawh!
Id-dritt internazzjonali huwa parti mir-rule of law jew is-saltna tad-dritt. Joseph wiċċu nadif, ħaddieħor aħjar jaħslu.