L-akbar tliet trejdjunjins fil-Belġju għal darb’oħra qed jorganizzaw protesti fuq skala kbira fi Brussell u bliet oħra fil-Belġju li mistennija joħolqu kaos u tfixkil speċjalment għal dak li hu trasport.
Dawn il-protesti qed jiġu organizzati sabiex jiddenunzjaw diversi elementi tal-ftehim propost mill-gvern federali l-ġdid tal-hekk imsejħa koalizzjoni Arizona.
Id-dimostranti mistennija jiltaqgħu fejn l-istazzjon tal-ferrovija tat-Tramuntana fl-10:30 ta’ dalgħodu u jimmarċjaw għaċ-ċentru.
L-unjins qed jantiċipaw li se jirduppjaw in-numru ta’ parteċipanti li ħadu sehem fil-protesti tat-13 ta’ Jannar meta niżlu fit-toroq tal-kapitali 30,000 ruħ bir-riżultat li kienu kanċellati ferroviji, ajruplani, metros u l-klassijiet tal-iskola baqgħu vojta. Dakinhar il-protesti kienu saru dwar informazzjoni li l-gvern il-ġdid kien qed jippjana li jnaqqas in-nefqa soċjali sabiex jiffranka biljuni ta’ ewro. Issa jidher li din l-informazzjoni hija waħda kkonfermata u l-gvern se jkun qed jissikka aktar il-kundizzjonijiet tal-pensjonijiet u l-benefiċċji tal-qgħad fil-Belġju.
Fost il-proposti hemm it-tnaqqis fil-pensjoni għal dawk li jirtiraw kmieni u iż-żieda fl-età tal-pensjoni ta’ ċertu ħaddiema.
L-awtoritajiet qed javżaw li minħabba dawn l-azzjonijiet, illum mistennija dewmien fuq il-mezzi tat-trasport speċjalment fil-belt kapitali anke peress li hemm programmati summit tan-NATO kif ukoll il-ftuħ tal-festival tad-dawl.
Servizzi oħra affetwati se jkunu dak postali bi strajks li se jaffettwaw id-distribuzzjoni tal-ittri u l-pakketti filwaqt li r-residenti qed jintalbu ma joħorġux il-boroż taż-żibel għax illum ma kienux se jinġabru.