Stenna Li Mhux Tistenna, huwa t-titlu tal-kanzunetta ddedikata lil Ramiro Mallia, iż-żagħżugħ ta’ 19-il sena deskritt minn dawk ta’ madwaru b’qalb tad-deheb, li għadda għall-ħajja ta’ dejjem b’mod traġiku f’Marzu li għadda.
Kanzunetta li se toħroġ mill-grupp tar-rap Malti Kapitlu 13, u li l-vidjo mużikali se jiġi mxandar għall-ewwel darba l-Ħadd f’nofsinhar fuq il-paġna tal-grupp Kapitlu 13 li ġġib l-istess isem.
Iltqajna ma’ Joseph Calleja, wieħed mill-fundaturi tal-grupp u li kiteb il-lirka tal-kanzunetta.
Huwa qalilna, “Bagħtli messaġġ ħuh Myron qalli biex niddedikaw diska għalih, għedtlu iva bil-qalb kollha, barra minn hekk kienet f’moħħi wkoll, kont ħa noħroġ diska u nsemmih imma ma kinetx speċifika diretta għalih u minflok dawwarna x-xogħol kollu u ħa tkun speċifika għal Ramiro.”
B’kurżità staqsejna lil Calleja, li dam erbat ijiem biex kiteb il-lirika tal-kanzunetta, il-għala ngħatat it-titlu Stenna Li Mhux Tistenna.
Huwa weġibna: “Kienet kelma li jħobb juża ħafna personalment hu: stenna li mhux tistenna, u barra minn hekk minnu nnifsu jqanqal misterju jekk jew b’hekk għax għada ma nafux x’ħa jiġri.”
Intant, din il-kanzunetta se toħroġ propju f’Jum l-Omm.
Joseph spjegalna: “Ma kellix idea li kien Mother’s Day, ħa ngħiduha kif inhi. Iltqajt mal-familja tiegħu għall-music video u speċita għoġbitha l-idea u ħadet gost li ħa toħroġ propju f’Mother’s Day, naħseb jien qisha bħala rigal ukoll għax bix-xieraq li nżommu l-memorja tiegħu ħajja.”
Il-kanzunetta se tkun kantata minn Janice Mangion flimkien ma’ Joseph Calleja, Dwardu Ravelle u Maria Cini li lkoll jagħmlu parti mill-Grupp Kapitlu Tlettax flimkien ma’ Digby.