Il-kanzunetta country, Lucky Me, tal-kantanti Maltin Marty Rivers u Marisa D’Amato tagħmilha fil-quċċata fiċ-chart tat-Top 50 Hot Country Singles.
Il-kanzunetta Maltija għamlitha fl-ewwel post, wara li aktar minn 100 stazzjonijiet tal-country madwar id-dinja evalwaw il-kanzunetti country l-aktar li jindaqqu.
Din mhix l-ewwel darba li kanzunetta Maltija li kisbet postijiet fl-ogħla livell f’charts Amerikani u Ewropej.
Marisa D’Amato, li hija wkoll preżentatriċi fuq l-istazzjonijiet ONE, qalet ma’ ONE News li hija tinsab kuntenta u fl-istess ħin kburija li kompożizzjoni Maltija, b’żewġ kantanti Maltin, qiegħeda tilħaq livelli ta suċċess internazzjonali. Żiedet tgħid li hi u Marty dejjem emminna fil-kanzunetta.
Marisa tkanta regolarment fl-Ingilterra u l-Irlanda u rebħet tliet awards fil-Hot Country Awards tal-Irlanda.
Min-naħa tiegħu, Marty Rivers qal li din il-kisba ġiet bħala sorpriża għalih għall-fatt li din il-kanzunetta hija fuq stil kemxejn differenti minn dak li normalment joħroġ. Ma’ ONE News stqarr li fiż-żmien li ġej se jkun qed joħroġ aktar kanzunetti fuq l-istess stil ta’ Lucky Me.
Żied jgħid li l-kanzunetta Lucky Me qabżet kanzunetti oħra ta’ kantanti b’fama internazzjonali, filwaqt li bosta DJs għandhom kliem ta’ tifħir dwarha. Fil-fatt, il-kanzunetta qed tikseb suċċessi kbar f’charts oħra madwar l-Ewropa u l-Amerika.
Isem Rivers huwa popolari fuq iċ-charts tal-mużika country, u ħafna mill-kanzunetti tiegħu, li huma kollha oriġinali, miktuba flimkien ma’ Joe Spiteri, jilħqu mal-aqwa ħamsa f’numru ta’ charts mużikali.
Huwa wkoll kiseb awards, fosthom f’Nashville. Fl-2011 Rivers kien rebaħ l-award ta’ Best International Music Award tal-Malta Music Awards.