Kanye West ittieħed l-isptar minħabba nuqqas ta’ enerġija, din l-aħbar ħarġet ftit wara l-aħbar ta’ nhar it-Tnejn meta kkanċella l-aħħar ftit kunċerti li kien għad fadallu.
Il-Pulizija rrispondew għal assistenza medika ta’ emerġenza li saret mid-dar ta’ West għall-ħabta tas-1:20p.m., skont Pulizija fid-Dipartiment ta’ Los Angeles.
Kmieni t-Tnejn filgħodu West ikkanċella l-aħħar ftit kunċerti li kien għad fadallu.
Il-ġimgħa l-oħra West spiċċa jagħmel diskors politiku waqt il-kunċert tiegħu f’San Jose, fejn qal li hu ma marx jivvota fl-elezzjoni Presidenzjali, iżda li kieku vvota kien jippreferi jivvota lil Donald Trump.
Ftit wara hu biddel id-diskors fejn ġibed l-attenzjoni fuq ir-razziżmu u qal “Jekk in-nies huma razzisti u jħossu li huma aktar inspirati biex jgħidu dak li jħossu, mela dawn ikunu qed jesponu lilhom infushom ta’ huma x’inhuma. Dak li qed ngħid jien! Il-bidla diġà qed issir. Xi kultant ċertu affarijiet taħseb li jkunu ħżiena iżda jaf tkun bidla għat-tajjeb biex l-affarijiet fl-aħħar jibdew jinbidlu.”
Is-Sibt West temm il-kunċert li kellu f’Sacramento wara li kanta tliet kanzunetti biss.