F’Għawdex ġie mniedi l-programm “Milied f’Għawdex” għal din is-sena għal perjodu bejn is-26 ta’ Novembru u t-8 ta’ Jannar.
Il-qofol ta’ dawn l-attivitajiet se jintlaħaq lejliet l-ewwel tas-sena bi spettaklu mill-aqwa fil-Belt Victoria, li fih se jieħdu sehem bosta artisti lokali u l-kantanta internazzjonali Inna, magħrufa l-aktar għall-kanzunetti “Amazing” u “Sun is Up”.
Dan il-programm għal btajjel tal-festi tħabbar mill-Ministru għal Għawdex.
Huwa qal, “Se jkollna kunċert mill-aqwa ġewwa Pjazza t-Tokk, miftuħ għal kulħadd, b’diversi wkoll kantanti u anke kantanti ta’ fama internazzjonali barranin. Għaldaqstant, apparti t-tiżjin kollu li qed isir fil-Gżira Għawdxija, propju din il-gżira tilbes il-libsa tal-Milied, qegħdin naraw li Għawdex mill-ġdid ikun destinazzjoni unika, anke tul dan iż-żmien ta’ festi u tul dan iż-żmien tal-Milied.”
Il-Ministru Camilleri, żied jgħid li dan il-programm hu maħsub għall-gosti ta’ kulħadd sabiex aktar nies iżuru Għawdex waqt dan il-perjodu ta’ festi.
Dawn l-attivitajiet se jvarjaw minn Parata tal-Milied fir-Rabat Għawdex, Suq tal-Milied f’Villa Rundle, kunċerti u anki se jerġa’ jsir ukoll il-prespju ħaj tant popolari mal-Għawdxin u mal-viżitaturi, dak ta’ Betlehem f’Għajnsielem.