Logħba ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2020 bejn il-Bulgarija u l-Ingilterra li saret it-Tnejn filgħaxija f’Sofija, kellha tieqaf darbtejn għal xi mumenti minħabba abbuż razzjali minn partitarji Bulgari fuq plejers Ingliżi.
Il-partita twaqqfet l-ewwel darba fit-28 minuta meta l-Ingliżi kienu minn fuq b’żewġ gowls. Fil-mument ta’ waqfien, instema’ messaġġ iwissi illi jekk il-partitarji se jibqgħu għadejjin b’dawn il-kummenti, il-logħba se titwaqqaf kompletament. It-tieni waqfa saret ftit qabel il-ħin tal-mistrieħ wara diskussjoni bejn ir-referee u l-manager tat-tim Ingliż Gareth Southgate.
Il-Bulgarija ġiet sanzjonata iktar kmieni din is-sena talli partitarji Bulgari kantaw għanjiet razzisti fil-konfront tal-Kosovo u r-Repubblika Ċeka.
L-Assoċjazzjoni tal-Futbol Ingliża, l-FA, qalet permezz ta’ Twitter li l-plejers Ingliżi kienu soġġetti għall-kummenti razzisti u talbet lill-Unjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Futbol Ewropej, il-UEFA, biex tinvestiga din il-kwistjoni b’emerġenza. Intant il-Prim Ministru Bulgaru talab lill-kap tal-futbol Bulgari biex jirreżenja b’rabta ma’ dan il-każ.