Kansas City Chiefs rebħu l-finali Super Bowl tal-futbol amerikan meta kmieni l-Ħadd filgħodu (ħin ta’ Malta) għelbu lil San Francisco 49ers bl-iskor ta’ 25-22. Il-finali intlagħbet fl-Allegiant Stadium ta’ Las Vegas.
Kienet logħba sabiħa u mimlija emozzjonijiet li anke marret fl-overtime. Kien proprju hawn li Kansas City Chiefs għalqu l-logħba favur tagħhom. Kansas City Chiefs wettqu rimonta sabiħa hekk kif sal-intervall kienu qed jitilfu bl-iskor ta’ 10-3.
Huma b’hekk iddefendew it-titlu mirbuħ is-sena l-oħra u rebħu l-unur għat-tielet darba f’ħames snin
Saru wkoll l-ewwel team li rebaħ it-titlu sentejn konsekuttivi minn mindu Patriots rebħu l-unur fl-2002 u fl-2003.
Fil-logħba tal-bieraħ spikka l-plejer ta’ Kansas City Chiefs Patrick Mahomes li anke ġie ivvutat bħala l-aħjar plejer tal-logħba.
Is-Super Bowl huwa l-akbar avveniment sportiv fl-Istati Uniti u li jiġi segwiet minn udjenza rekord. Il-finali tlaqqa’ kontra xulxin ir-rebbieħa tal-kampjonati taż-żewġ assoċjazzjoniiet tal-futbol amerikan, in-National Football League u l-American Football League.
Hija magħrufa wkoll għall-ispettaklu mużikali li jsir fil-half time. Din is-sena l-ispettaklu kien f’idejn il-kantanti Usher, Alicia Keys flimkien ma’ will.i.am.
Preżenti wkoll fost il-partitarji kien hemm il-pop star amerikana Taylor Swift li hija l-partner ta’ wieħed mill-plejers ta’ Kansas City Chiefs Travis Kelce.
(Photo Credit: Getty Images)