Fid-daħla tar-raħal ċkejken ta’ Ħal Kirkop, hemm kannizzata tal-Milied li nħadmet u ġiet imżejna b’materjal riċiklat.
Il-kannizzata ta’ sittax-il pied kienet idea ta’ Charlie Buttigieg, dilettant kbir tal-Milied li sab l-għajnuna tal-membri sħabu tal-Għaqda San Anard f’Ħal Kirkop.
Din il-kannizzata tpoġġiet quddiem il-każin biex titgawda mill-pubbliku fi żmien il-Milied, u kienet l-attrazzjoni ewlenija fl-attività “Milied f’Misraħ Kirkop” bejn il-ħdax u t-tnax ta’ Diċembru, li kienet organizzata mill-Għaqda Mużikali San Leonardu f’Ħal Kirkop.
Waqt din l-attività, il-kannizzata ġiet mogħtija l-premju tal-Malta Records għall-ewwel proġett daqshekk kbir magħmul minn sorsi riċiklati biss.
Il-President tal-każin San Leonardu, Louis Zammit faħħar id-dedikazzjoni ta’ kull min ħadem f’dan il-proġett.
Qal, “Hija kannizzata magħmula kollha minn affarijiet riċiklabbli, kif konna qed nitkellmu flimkien sal-injam, kollox huwa riċiklat, kollox huwa użat darba żgur u bħala dekorazzjonijiet huma magħmulin sempliċiment minn rombli tat-toilet paper mqattgħin li mbagħad hemm proċess sħiħ ta’ kollha, glitters, dawl biex isiru dawn id-dekorazzjonijiet.”
Huwa kompla jispjega li l-maltemp qatt ma qatalhom qalbhom u peress li din kienet l-ewwel attività tal-każin mindu faqqgħet il-pandemija, iktar għamlu ħilithom biex kollox imur ward u żahar.