F’dawn l-aħħar xhur sar xogħol ta’ manutenzjoni u restawr sabiex tkompli tissebbaħ il-kannierja tas-seklu sbatax li tinsab taħt is-Santwarju Nazzjonali ta’ San Ġużepp fir-Rabat.
Il-Kannierja tħaffret fl-1670 meta nbniet mill-ġdid il-kappella ta’ San Ġużepp li tinsab fuqha.
Fost ix-xogħlijiet li saru nħadmu żewġ settijiet ta’ gandlieri tal-injam bis-salib, żewġ settijiet karti glorja, żewġ ventartali, żewġ trieħi, u tvalji. Inħadem ukoll kanċell għal fuq l-ossarju, fost diversi xogħlijiet oħra.
One News żar il-Knisja ta’ San Ġużepp tar-Rabat, fejn tkellem ma’ Jeremy Debono, il-moderatur fl-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp. Huwa spjegalna x’kien l-użu ta’ din il-kannierja.
‘Hawnhekk jinsabu midfunin – sa mill-1670 kienu jindifnu hawnhekk – il-fdalijiet tal-membri tal-arċikonfraternità tal-fratelli u l-konsorelli. Hawnhekk, kien isir id-dfin normali, jiġifieri wara l-funeral tal-mejjet sal-1970 bejn wieħed u ieħor, meta imbagħad inqata’ d-dfin fil-knejjes u beda jsir fiċ-ċimiterji’.
Il-kannierja se tinfetaħ għall-pubbliku nhar is-Sibt 29 ta’ Ottubru mill-5pm sas-7pm, u l-Ħadd 30 ta’ Ottubru 2022 mis-7am sa nofsinhar. Għall-qraba tal-midfunin se tkun miftuħa matul ix-xahar kollu ta’ Novembru.