Id-diżabbiltà tista’ tpoġġi numru ta’ sfidi. Iżda d-determinazzjoni twassal biex dak li jkun xorta waħda jaħdem biex iwettaq il-ħolm tiegħu u saħansitra tal-komunità ta’ madwaru. Il-Partit Laburista għandu ħames kandidati b’diżabbiltà għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li ġejjin.
F’ikla mas-Sinjura Michelle Muscat u l-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Dr Randolph De Battista, il-ħames kandidai ddiskutew l-aspirazzjonijiet għal-lokalità tagħhom. Ma qagħdux lura milli jsemmu dak li jista’ jkun ta’ sfida fil-ħidma tagħhom, iżda daqstant ieħor dehru determinati li jirnexxu.
Xi ħaġa li niżlet għasel għal Michelle Muscat li taħdem tant fis-settur tal-inklużjoni.
Clifford Portelli huwa kandidat fuq Raħal Ġdid, Gianluca Cutajar fuq iż-Żurrieq, Jonathan Pace qed jikkontesta għall-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa u Matthew Chetcuti u Matthew Giordimania huma kandidati fuq il-lokalità tar-Rabat.
Mas-sinjura Muscat fissru kif l-aspirazzjoni tagħhom li jaħdmu fil-lokalità tmur lil hinn minn temi li għandhom x’jaqsmu mad-diżabbiltà jew l-aċċessibbiltà.
Iktar attivitajiet kulturali u soċjali u infrastruttura aħjar huma fost it-temi li emfasizzaw.
Is-sinjura Muscat tkellmet dwar ir-riżultati li kisbu l-atleti Maltin fl-olimpijadi speċjali u qalet li dan hu sinjal ta’ kif persuna m’għandha taqta’ qalbha qatt.
Minn naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Dr De Battista, fisser kif dan hu eżempju ieħor ta’ inklużjoni fis-soċjetà, ispirata mill-Partit Laburista. Bħalma kienu ispirati bidliet oħra li l-Partit Laburista ġab mill-gvern f’dan is-settur.