Il-Kummisjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) temmen li jekk ikun hemm rappreżentanza ta’ inqas minn 30% ta’ kandidati nisa għall-elezzjoni li jmiss, il-lista għandha tiġi mwarrba mill-Kummisjoni Elettorali. Fi kliem l-NCPE dan il-persentaġġ għandu jiżdied għal 50% jiġifieri:
- Rappreżentanza ta’ mill-inqas 30 fil-mija kemm tal-irġiel u anki tan-nisa fil-listi elettorali tal-partit għall-elezzjonijiet li ġejjin, fit-tliet livelli kollha
- Rappreżentanza ta’ mill-inqas 40% kemm tal-irġiel u anki tan-nisa fil-listi elettorali tal- partit fl-elezzjonijiet li jkun imiss, fit-tliet livelli kollha
- Rappreżentanza ta’ mill-inqas 50% kemm tal-irġiel u anki tan-nisa fil-listi elettorali tal- partit fl-elezzjonijiet sussegwenti kollha għal kull wieħed mit-tliet livelli.
L-NCPE qed tressaq proposta biex tiddaħħal sistema li biha s-soċjetà Maltija tagħmel ħilitha biex tkun rappreżentata b’bilanċ bejn in-nisa u l-irġiel fuq bażi fit-tul. Fi kliem l-NCPE, biex jintlaħaq dan il- għan, il-partiti politiċi għandhom jalternaw bejn il-kandidati nisa u irġiel fil-listi elettorali ppreżentati fit-tliet livelli kollha – l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali, tal-Parlament nazzjonali u tal-Parlament Ewropew.
L-NCPE temmen li l-introduzzjoni ta’ din is-sistema għandha tkun waħda permanenti biex tassigura bilanċ bejn is-sessi fit-teħid tad-deċiżjonijiet fl-isfera politika. Fi stqarrija, spjegaw li l-politika f’Malta hija ddominata mill-irġiel u li jeħtieġ li tingħata aktar importanza rappreżentanza ugwali.