Il-kandidati li jridu jitfgħu isimhom għall-kariga ta’ mexxej tat-Tories u eventwalment ikunu l-Prim Ministru l-ġdid tar-Renju Unit, jeħtieġu minn tal-inqas mitt nominazzjoni mill-membri parlamentari. Dan ifisser li n-numru massimu ta’ kandidati li jistgħu joħorġu għal din il-kariga huwa tlieta.
In-nominazzjonijiet jinsabu miftuħa u jagħlqu nhar it-Tnejn li ġej, għalhekk, sa bħal-lum ġimgħa r-Renju Unit ikollu mexxej ġdid.
Fl-eventwalità li jkun hemm tliet kandidati, l-aħħar tnejn se jieħdu sehem f’dibattitu, u wara ssir votazzjoni online li fiha jivvotaw il-membri tal-partit.
Analisti politiċi qalu li xi membri parlamentari ma jixtiequx li l-vot jingħadda għand il-membri, hekk kif Liz Truss kienet eletta bil-vot tal-membri. Għalhekk, mhux eskluż li l-membri parlamentari jingħaqdu wara kandidat wieħed u għalhekk, il-proċess tal-għażla għall-mexxej ġdid jintemm nhar it-Tnejn.
Ritratt: Getty