Dawk li kellhom joqogħdu għall-eżamijiet ta’ barra bħall-o’levels magħrufa bħala tal-London, il-GCE se jirċievu kumpens sħiħ għal flus li ħallsu wara li dawn l-eżamijiet ġew ikkanċellati minħabba l-imxija tal-Coronavirus.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici spjega kif il-Gvern iffaċilità t-trattativi li saru biex issir ir-rifużjoni.
Il-Ministru Bonnici stqarr, “Wara koperazzjoni li kellna bejnietna u l-awtoritajiet Ingliżi sar ftehim li bih dawk l-eżamijiet li ġew kanċellati se jiġu rifusi lura. U allura l-flus li ħallsu l-istudenti se jieħdu il-flus kollha lura u aħna se nkunu l-intermedjarju bħala ministeru sabiex niffaċilitaw illi dawn l-istudenti jieħdu flushom li ħallsu lura.”
Il-flus li ser jiġu trasferiti lura lil-istudenti Maltin ma jinkludux il-ħlas għas-servizz ta’ amministrazzjoni u huma mistenijja li jintbagħtu lura lil awtoritajiet ta’ pajjiżna fit-tielet ġimgħa ta’ Mejju.
Id-Direttur għad-Dipartiment tal-eżamijiet Dr.George Said Zammit qal iżda li hemm opportunità lill-istudenti biex dawn ipoġġu għall-eżamijiet f’Ottubru.
Dr Said Zammit saħaq, “Se ssir sessjoni speċjali f’Ottubru li ġej u id-dati ser nħabruhom once li dawn ikunu ikkonfermati, pero din se tkun sessjoni ta darba u din ħa jagħmluha għaliex kelna din is-sitwazzjoni minħabba l-covid-19 u s-sessjoni ta’ Mejju Ġunju kellha titħassar.”
Dr. Said Zammit spjega ukoll kif is-sessjoni tal-eżamijiet barranin ta’ Jannar tas-sena d-dieħla xorta se ssir, madanakollu din se tkun biss għall-ċertu suġġetti partikolari.
L-istudenti Maltin iħallsu biss għall-eżamijiet barranin hekk kif dawk tal-Matsec issa ġew mingħajr ħlas wara miżuri li ħa dan il-Gvern.
Ċertu eżamijiet barranin huma wkoll rikonoxxuti mill-istituzzjonijiet edukattivi post-sekondarji u terzjarji f’Malta fejn bosta studenti joqogħdu għall-eżamijiet tal-matrikola ta’ Malta u dawk ta’ barra sabiex jiżdiedilhom iċ-ċans li jiksbu l-aħjar riżultat mixtieq.