Kandidati tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew żaru l-uffiċini tal-Forum Marittimu ta’ Malta fejn intlaqgħu, fost oħrajn, mill-Kap Eżekuttiv Kevin Borg u ċ-Chairman Godwin Scerri.
Waqt diskussjoni intensiva ġiet spjegata l-ħidma tal-Forum Marittimu ta’ Malta, li hu affiljat ukoll man-Netwerk Ewropew fil-qasam Marittimu.
Kienu diskussi s-suġġetti li jkopri s-settur, mit-tarznari, l-operaturi tat-terminals, il-faċilitajiet tal-enerġija u taż-żejt, il-vapuri internazzjonali rreġistrati f’pajjiżna, l-aġenziji tat-tbaħħir, il-qasam legali marittimu, kaptana, bunkers, operaturi tal-irmonk tal-Cruise Port u trasportaturi tal-merkanzija u oħrajn.
Madwar mejda, it-tmexxija tal-Forum u l-kandidati tkellmu wkoll dwar l-importanza tal-promozzjoni u l-protezzjoni tal-interessi kollha li jappartjenu għall-industrija marittima u l-ekonomija blu.
Huma spjegaw l-importanza ta’ konsultazzjoni b’mod attiva u kostruttiva lejn l-iżvilupp tal-politika marittima nazzjonali.
Minbarra dan, il-kandidati għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew ingħataw ħarsa dwar l-isfidi li din l-industrija ġġib magħha u kien spjegat lilhom kif il-Forum Marittimu ta’ Malta jservi ta’ mezz awtorevoli ta’ komunikazzjoni mal-awtoritajiet Maltin u Ewropej, biex saħansitra jkunu identifikati l-isfidi, filwaqt li jipproponi miżuri leġiżlattivi l-iżvilupp ħolistiku tal-industrija marittima.