Kandidata Nazzjonalista kienet indikat li Peter Agius għandu jagħmel apoloġija wara li issa ħareġ ta’ giddieb mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi, l-OLAF.
Nhar l-Erbgħa kien sar magħruf kif l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Peter Agius kien għamel allegazzjonijiet infondati aktar kmieni din is-sena, b’ħafna teatrini u ftaħar li kien irrapporta lil żviluppatur lill-OLAF, għax, skontu, kien uża mat-€360,000 minn fondi Ewropej biex jibni villa fin-Naxxar, minflok razzett tan-nagħaġ, li għalih kienu assenjati l-flus.
F’konferenza tal-aħbarjiet f’Ġunju, lejliet Elezzjoni tal-Parlament Ewropew u b’Peter Agius bilqegħda maġenbha, il-kandidata Miriana Calleja Testaferrata De Noto kienet qalet li temmen li, meta xi ħadd jaqa’ għaċ-ċajt mal-OLAF, anke b’ħafna teatrin, għandu jagħmel apoloġija.
Hawnhekk kien pront jinterrompiha Agius u waqqafha milli tkompli titkellem biex jgħid tiegħu.
Wara investigazzjoni, li saret mill-OLAF, instab li dak li allega Agius ma kienx minnu, tant li kixfet li dak li spiċċa jiġi elett fil-Parlament Ewropew wara tali tearini, kien spara akkużi bl-addoċċ mingħajr lanqas biss ivverifika l-fatti u, bi spejjeż għal ħaddieħor, kiseb dak li aktarx kien l-iskop tiegħu … jieħu vantaġġ politiku minn fuq gidba.
Fi stqarrija l-Ġimgħa, il-Partit Laburista qal li, wara tali imbarazzament, wieħed kien jistenna li l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ukoll ma jibqax sieket quddiem gidba minn Membru Parlamentari Ewropew tiegħu u jġiegħlu jagħmel apoloġija dovuta.