Maria Portelli, kandidata tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex, hija t-tieni kandidata Għawdxija li ma aċċettatx it-talba tas-Segretarju Ġenerali Clyde Puli sabiex tikkontesta għas-siġġu battal li ħalla warajh David Stellini.
Dan sar magħruf ftit siegħat biss wara li l-Kandidat Għawdxi Joseph Ellis irrifjuta t-talba li għamillu Puli sabiex jitfa’ ismu għal dan is-siġġu.
Fuq il-profil tagħha fuq Facebook, Portelli qalet kif kien Clyde Puli stess li għamel kuntatt magħha personalment u ħeġġiġha sabiex titfa’ isimha għall-elezzjoni intera għal-Co-option.
Madankollu bħal Ellis hija ma aċċettatx it-talba ta’ Puli hekk kif issuġġeriet li s-siġġu vakat minn David Stellini għandu jimtela minn Kevin Cutajar u qalet li ser tkun qed tagħti appoġġ sħiħ lilu.
Din l-aħbar tkompli tikkonferma kemm il-fazzjoni ta’ Adrian Delia qed tagħmel minn kollox sabiex jevita li s-siġġu battal ma jimteliex minn Kevin Cutajar. Dan hekk kif l-istess Cutajar ġej mill-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
Żvolta oħra wara li wara li s-Sibt li għadda, l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista vvota biex ikun Jean Pierre Debono li jiġi co-opted fil-Parlament. Madankollu dan ċeda s-siġġu wara li l-ex President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut allega irregolaritajiet fil-votazzjoni meta tħallew jivvotaw żewġ persuni li ma kellhomx il-jedd tal-vot.