Il-Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-kunsill lokali ta’ Tas-Sliema Kevin Wain qal li qegħdin jiġu intimidati mill-fazzjoni tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
F’botti diretti lejn Delia, Wain kiteb fuq Facebook li mbilli Kap ta’ Partit jiġi elett b’mod demokrattiku, ma jfissirx li l-partit qed jitħaddem b’mod demokratiku.
Qal li d-demokrazija ta’ veru ma tfissirx li nies qrib il-Kap tal-Partit jitqabbdu jintimidaw lil dawk li ma jaqblux magħhom.
Il-messaġġ ta’ Wain ġab reazzjoni immedjata ta’ partitarji nazzjonalisti.
Nicky Azzopardi, membru fl-Moviment Żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista u persuna qrib il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, kiteb “Spot On”.
Izda lil Wain, wieġbu wkoll Pierre Portelli – kunsillier f’Tas-Sliema u persuna qrib Delia. Talbu jgħid min qed jintimidah.
Dlonk reġgħet kienet it-tweġiba ta’ Wain li qallu li bħalissa qiegħed jiġi intimidat b’għemil aggressiv minħabba sempliċement kumment ġenerali li għamel dwar il-politika fuq Facebook.
Lil Portelli, wieġbu wkoll l-avukat Andrew Borg Cardona. Qallu li kulħadd jaf x’inhu u ġibidlu l-attenzjoni kif il-Mument gidbet fuq l-Occupy Justice.
Organizzazzjoni li hija tant għal qalb Borg Cardona u l-fazzjoni ta’ Busuttil li mhux l-ewwel darba li talbu għar-riżenja ta’ Delia.
Lil Wain kitiblu ukoll David Griscti, eks uffiċjal ieħor qrib Simon Busuttil. Huwa kiteb li l-impożizzjoni qatt mhi demokratika.
Fuq il-post ta’ Wain, kien hemm ħafna nazzjonalist li qablu ma’ dak li kiteb.
Persuna oħra bl-isem ta’ Jamie Vella sejjaħ il-messaġġ ta’ Wain bħala brillanti u dirett. Qal li l-insigurtà li qieghda tinholoq fost dawk li jħossuhom intimidati, tgħid hafna dwar il-qagħda preżenti.
Intant, Kevin Wain apparti li huwa kandidat, huwa kunsillier tal-Kunsill Generali u membru fil-Kumitat Sezzjonali Sliema.
B’One News jista jiżvela li Wain kien wieħed mill-persuni li ma riedx jagħti l-appoġġ tiegħu lid-dikjarazzjoni li l-kumitat sezzjonali ta’ Tas-Sliema kien imġiegħel jagħmel b’appoġġ għal Delia.
One News jista’ jiżvela wkoll li l-anqas il-Kumitat Sezzjonali ta’ Għawdex ma ried jagħmel dikjarazzjoni ta’ appoġġ lejn Adrian Delia.