Il-kandidat Nazzjonalista Ryan Mercieca allegatament hedded lil persuna barra l-Qorti. Jirriżulta li l-każ ġara wara li l-kandidat fuq it-tlettax-il distrett fetaħ libell kontra l-editur tat-Torċa. F’Jannar tas-sena l-oħra, it-Torċa kienet irrapurtat li għaqda mhux governattiva li tagħha Ryan Mercieca huwa segretarju kienet fiċ-ċentru ta’ taħwida wara li naqset
milli tipprovdi dokumenti importanti dwar fondi Ewropej.
Kif kien qed jinstema’ l-każ ta’ libell, xehed it-teżorier tal-għaqda ,li stqarr kif hu qatt ma ngħata d-dokumenti oriġinali tal-proġett marbuta ma’ fondi Ewropej iżda dawn dejjem kienu f’idejn il-President jew is-Segretarju tal-għaqda. Wara din ix-xhieda, fil-kuridur tal-Qorti, il-kandidat Nazzjonalista allegatament mar fuq ix-xhud tiegħu stess u qallu “Issa ġejja tiegħek”.
Kien hawn li quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale, l-avukat tax-xhud spjegat kif il-klijent tagħha kien għadu kemm ġie mhedded. Min-naħa tiegħu l-Maġistrat talab lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga dan il-każ dwar theddid. Sadanittant il-kandidat Nazzjonalista Ryan Mercieca huwa wieħed minn dawk ferm imbuttati mill-Kap Simon Busuttil. Huwa sigriet magħruf li wara li l-aspirazzjonijiet politiċi ta’ Giovanna Debono spiċċaw fix-xejn, il-Kap Nazzjonalista beda jimbotta l-kandidat żagħżugħ Ryan Mercieca li issa jinsab taħt il-lenti ta’ investigazzjoni mill-pulizija dwar theddid.