Il-kandidat Nazzjonalista Graham Bencini kompla fuq il-messaġġ tal-Kap Nazzjonalista li mhux kburi li hu Malti.
Bħall-Kap Nazzjonalista, Graham Bencini għadu mhux kburi li hu Malti.
Qal, “Flimkien nerġgħu nkunu kburin ngħidu li aħna Maltin.”
F’messaġġ li għadda fl-istess attività id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina huwa stqarr li Malta għandha bżonn Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech.
Qal, “Għandna bżonn li f’dan il-pajjiż nhar is-Sibt li ġej jkollna Gvern ġdid imexxi lil dan il-pajjiż, għandna bżonn li tingħata l-fiduċja lill-Partit Nazzjonalista jifforma Gvern immexxi minn Bernard Grech bħala Prim Ministru.”
Il-kandidat Nazzjonalista u President tal-Kunsill Ġenerali Nazzjonalista Mark Anthony Sammut ukoll kompla ma’ sieħbu ta’ Repubblika u stqarr kif il-Partit Nazzjonalista huwa l-unika triq għal pajjiżna.
Qal, “We are the only way forward.”
Huwa saħansitra spiċċa jtenni li ma tridx tagħmel ħafna biex tkun aħjar minn Gvern Laburista.
Qal, “U mhux ħa ngħidilkom lanqas li ħa nkunu aħjar mil-labour għax ma tridx ħafna biex tkun aħjar mil-Labour.”
Il-kandidata Eve Borg Bonello wkoll fakkret f’meta marret tipprotesta fuq l-għatba tal-kwartieri tal-Partit Laburista u tenniet kif warajha kellha lill-Partit Nazzjonalista.
Qalet, “Saħansitra morna quddiem il-kwartieri tal-Partit Laburista u ma bżajniex. Għax kellna l-Partit Nazzjonalista warajna. U la kellna l-Partit Nazzjonalista warajna kellna s-sewwa u aħna nafu li s-sewwa jirbaħ żgur.”