Wieħed mill-kandidati fl-elezzjoni Presidenzjali tal-Ekwador, Fernando Villavicencio, inqatel b’diversi tiri f’rasu waqt attività politika.
Il-membru tal-assemblea nazzjonali ta’ 59 sena, ġie attakkat malli telaq mill-attività fil-belt ta’ Quito.
Membru li jagħmel parti mit-tim tal-kampanja spjega mal-midja lokali li Villavicencio kien se jitla’ fil-karozza meta raġel ħareġ mill-folla u sparalu f’rasu tliet darbiet.
Is-suspettat wara dan id-delitt miet ukoll wara li l-pulizija sparaw fuqu.
Intqal li disa’ persuni sofrew xi ġrieħi fosthom kandidat ieħor li qed jieħu sehem f’din l-elezzjoni u żewġ uffiċjali tal-pulizija.
Il-President attwali Guillermo Lasso qal li min għamel dan l-att viljakk se jieħu dak li ħaqqu.
Intant ix-xahar li għadda, il-President Lasso ddikjara stat ta’ emerġenza fi tliet partijiet tal-Ekwador wara numru ta’ sinifikanti ta’ delitti marbuta ma’ kriminalità organizzata.