Ġiet inawgurata kamra ġdida fid-Dipartiment tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei biex tintuża mill-qraba ta’ pesruni li jkunu rikoverati fl-ITU. Din il-kamra u kamra oħra fl-ITU għat-tobba ġew rinovati minn Rotary Club La Vallette bħala waħda mill-inizjattivi ta’ Life After Drew.
Waħda mill-kmamar se tkun qed tintuża mill-konsulenti li jaħdmu fl-ITU, primarjament biex jitkellmu mal-qraba tal-pazjenti tagħhom f’ħinijiet delikati, filwaqt li l-kamra l-oħra tintuża minn qraba ta’ pazjenti rikoverati fl-ITU u li jagħmlu ħinijiet twal ħdejn il-pazjent.
Il-kamra li se jużaw il-qraba tal-pazjent fiha żewġ sodod u fiha kċina u fejn wieħed jista’ jinħasel. Din il-kamra se tkun qed tintuża minn ġenituri li jkollhom tfal żgħar l-ITU li ma jiċċaqalqux minn ħdejhom, qraba ta’ pazjenti Għawdxin li ma jkollhomx fejn joqgħodu Malta kif ukoll qraba ta’ persuni barranin li jkunu rikoverati l-ITU.
Il-Ministru Chris Faerne stqarr li pajjiżna għandu reputazzjoni li joffri l-aqwa kura possibli f’sitwazzjonijiet diffiċli, bħal ma’ jaffaċjaw dawk li jiġu bżonn l-ITU, iżda stqarr li inizjattivi bħal dawn jgħinu iżjed lil dawk lill-qraba ta’ dawk li jkunu qed jingħataw il-kura.
Hu stqarr dan il-proġett qed iservi ta’ wens għall-ġenituri jew qraba tal-pazjenti billi jiprovdilhom post fejn jistgħu jistrieħu u ma naqasx li jirringrazzja lil Rotary Club La Vallette talli għażlu li jagħtu xi ħaġa lura lis-soċjetà permezz ta’ proġett fis-swali tal-ITU.