Fil-jiem li ġejjin, il-Kulleġġ Malti tal-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija l-MCAST se jkun qed jorganizza l-ewwel edizzjoni ta’ Kampusajf, festival kulturali artistiku lokali.
Kif spjega d-direttur artistiku ta’ dan l-avveniment, Stjanu Debono, il-festival, li qed isir b’kollaborazzjoni mal-Bank APS, għandu l-għan li jiċċelebra l-arti lokali filwaqt li joffri opportunità fejn wieħed jista’ ikun parti minn komunità artistika diversifikata.
Qal, “Se jkollna ħamest ijiem b’attivitajiet artistiċi, multi dixxiplinarji fil-Kampus tal-MCAST Raħal Ġdid u dak tal-Mosta. Se jkun hawn bosta proġetti li jolqtu l-palat ta’ nies differenti mis-soċjetà.”
Il-festival se jibda fil-kampus ta’ Raħal Ġdid mil-25 sat-28 ta’ Awwissu fejn numru ta’ artisti se jkunu qegħdin jesprimu t-talent artistiku. Il-festival jintemm fit-30 ta’ Awwissu fil-kampus tal-Mosta.
Fl-ewwel attività wieħed se jitpaxxa bil-mużika u kant ta’ Zizza u Maria, li se jdoqqu u jkantaw mużika Maltija.
Fit-tieni jum, isegwu esebizzjonijiet minn Teatru Malta, b’kollaborazzjoni ma’ Move Dance Company, li se jagħtu lil dawk li jattendu togħma ta’ arti, anke bl-Intelliġenza Artifiċjali.
L-għada, jiġifieri il-Ħadd 27 t’Awwissu, imbagħad, wieħed jista’ jsegwi l-oriġinalità u l-kant ta’ Sean Borg ma’ Jess Psaila Hinge Project. Fir-raba’ jum studenti u eks studenti tal-MCAST se juru x-xogħol tagħhom permezz ta’ Animation Show Case.
Fl-aħħar jum, fit-30 t’Awwissu, fl-amfiteatru tal-Mosta, se tinqara l-letteratura ta’ Frammenti ta’ Saffo, biċċa xogħol li mill-Grieg antik inqalbet għall-Malti.
Il-Prinċipal tal-MCAST James Calleja saħaq kif l-iskop tal-Kulleġġ kien li l-kampus jibqa’ attiv anke fis-sajf.
Qal, “Aħna bħala kulleġġ inħossu li l-kultura hi parti mill-istudji li nagħmlu. Fil-fatt Teatru Malta għandhom il-bażi tagħhom hawn, u aħna ħadna l-opportunità biex inniedu dan l-avveniment li nittamaw li fis-snin li ġejjin jibqa’ jikber.”
L-attivitajiet jibdew fit-tmienja u nofs ta’ filgħaxija u l-biljetti jistgħu jinkisbu minn fuq ticketline.com.mt.