Espert maħtur mill-Qorti rrapporta li kampjun, b’rabta ma’ każ ta’ traffikar tad-droga eroina, kien fih mitejn darba inqas mis-sustanza illegali minn kemm kien allegat oriġinarjament.
Dan ħareġ waqt li komplew proċeduri kriminali kontra żewġt irġiel u mara li kienu arrestati wara rejd li sar fil-Marsa f’Settembru li għadda.
Nicholas Farrugia ta’ ħamsa u għoxrin sena minn Bormla u s-sieħba tiegħu Shana Farrugia ta’ tnejn u għoxrin sena mill-Ħamrun, huma akkużati b’pussess aggravat ta’ eroina u li kienu qed jippjanaw biex jittraffikaw kilo u mitejn gramma ta’ eroina.
L-awtoritajiet saru jafu bid-droga wara li kienu msejjħa biex jikkontrollaw nar li kien qabad f’xi stallel. Jason Borg ta’ disgħa u tletin sena, li huwa s-sid tal-istallel fi Triq is-Serkin fil-Marsa, ukoll kien akkużat b’pussess aggravat tal-eroina.
Filwaqt li huma kienu allegati bil-pussess ta’ kilo u mitejn gramma trab kannella, suspettat eroina, l-espert tal-Qorti l-Professur Emanuel Sinagra rrapporta li d-droga kienet ta’ bejn zero punt tnejn u zero punt ħamsa fil-mija pura. Ferm inqas mir-rata normali ta’ bejn ħmistax u tletin fil-mija.
Dan ifisser li droga preżenti kien hemm bejn tnejn punt erbgħa u sitt grammi.
Il-każ ikompli.