F’partita oħra minn Grupp B tal-Kampjonati Ewropej ta’ taħt il-21 sena, Malta ġiet megħluba mill-qawwa tal-Belġju bl-iskor ta’ 3 – 1.
Minkejja l-qawwa tal-avversarji t-tim Malti kellu wirja qalbiena, minkejja l-pressjoni kontinwa tal-Belġjani. It-tim Malti kien mingħajr Mattia Veselji sospiż filwaqt li għal ewwel darba bil-flok ta’ Malta stajna nsegwu lil Dylan Scicluna li huwa bażat f’Sydney l-Awstralja.
It-tim Malti taħt il-gwida ta’ Ivan Woods beda b’din il-formazzjoni:- Hugo Sacco, Owen Spiteri, Jake Vassallo, Matthew Ellul, Dylan Scicluna, Andrea Zammit © (Jake Engerer 80), Aleandro Garzia (Kurt Briffa 88), Nikolai Micallef (Karl Mohnani 69), Gianluca Sciberras (Matthew Debattista 88), Basil Tuma, Kurt Bondin (Andy Borg 80).
Il-leaders tal-grupp il-Belġju fil-vantaġġ fl-40 minuta permezz ta’ daqqa ta’ ras ta’ Romeo Vermant biex l-ewwel taqsima intemmet 1 – 0.
Il-bidu tat-tieni taqsima ma’ kienx tajjeb għal Maltin għaliex wara biss ftit sekondi Jarne Steuckers irnexxilu jiddepożita l-ballun fix-xibka u jagħmel l-iskor 2 – 0 favur l-Belġju. Ma’ ftit aktar minn siegħa logħob, f’kontra attakk rari għal Maltin, Basil Tuma ġie mwaqqa fil-kaxxa minn Van Den Bosch bir-referee tal-partita Genc Nuza tal-Kosovo jordna penalty li minnhu Andrea Zammit ma’ falliex għal 2 – 1.
Mat-tokki ta’ 90 minuta, l-Belġju serħu rashom mit-tlett punti bit-tielet goal skorjat minn Kazeem Olaigbe għal skor finali ta’ 3 – 1.
It-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena jkun fl-azzjoni nhar it-Tnejn li ġej f’partita ta’ ħbiberija kontra Slovakja, logħnba li se tintlagħab fil-19.00 fit-Tony Bezzina Stadium.