Nhar l-Erbgħa t-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19 il-sena beda bl-impenji tiegħu f’Grupp 6 tal-kampjonati Ewropej ta’ taħt il-19 il-sena b’telfa ta’ 1 – 0 kontra Franza.
It-tim Malti, taħt il-gwida tal-kowċ Winston Muscat, kien dixxiplinat tul il-logħba kollha minkejja l-qawwa tal-avversarji li ddominaw għal ħafna ħinijiet.
Il-Francizi kellhom bosta tentattivi ta’ skor iżda Amara Sylla l-goalkeeper Malti kien protagnoista u ċaħħadha lill-Franċiżi f’bosta okkażjonijiet.
Franza marru fil-vantaġġ mal-35 minuta meta f’azzjoni tajba mil-lemin Giulian Biancone kompla lejn Charles Abi li minn quddiem Sylla ma falliex u poġġa lill-avversarji fil-vantaġġ.
Il-Franċiżi baqgħu għaddejjin bl-istess ritmu anke fit-tieni taqsima. Fl-aħħar 10 minuti konklużjoni ta’ Ponceau ġiet imblukkata mid-difiza Maltija u 3 minuti mit-tmien il-Franċiżi kien għodhom għamluhom tnejn iżda d-daqqa ta’ ras ta’ Solet ħabtet mal-lasta.
It-tim nazzjonali Malti jerġa’ jkun fl-azzjoni nhar is-sibt li ġej fil-14.15 f’logħba oħra mill-istess kampjonati din id-darba kontra l-Belġju. Il-logħob kollu qed jintlagħab fic-Centenary Stadium.
Ritratt: Joe Borg / MFA