Ir-4 tappa tal-Kampjonat tal-Mediterran saret fil-korsa ta’ Cagnes-sur-Mer fi Franza il-Ġimgħa filgħaxija fejn ir-rappreżentant Malti kien Charles Camilleri. Sfortunatament għalina r-riżultat ma kienx dak mixtieq fejn Camilleri kellu jikkuntenta bl-aħħar post mill-ħames sewwieqa parteċipanti.
Wara li l-parteċipanta Russa kkawżat false start, Camilleri reġgħa kellu tluq tajjeb bid-debba Anna du Perre allavolja kellu n-numru 11. Ftit wara t-tluq iż-żiemel ta’ quddiem deher jiżbalja u Charles Camilleri pprova jmur fuq quddiem iżda d-debba kellha ftit ta’ diffikultà li ġiet ikkorreġuta minn Camilleri u deher jitfa fuq wara tal-qatta. Għalkemm fl-aħħar ipprova javvanza però deher ċar li d-debba kienet għajjiet u ma setax ikun mal-qatta ta’ quddiem fil-finali.
It-tiġrija ntrebħet mir-rappreżentant Franċiż Jean-Charles Feron.