Illum, waqt is-seba’ ġurnata, il-Kampjonat Dinji tas-Snooker li qed isir f’Golem, l-Albanija kompla bil-fażi tan-knock out fejn sar ir-round tal-aħħar 64 player li fih Aaron Busuttil tilef il-frame deċiżiv meta tul il-logħba dejjem kien fil-vantaġġ.
L-avvesarju taċ-champion Malti kien l-Ingliż Gary Milne li rrnexxielu jdawwar is-sitt frame favurih peress li kellu bżonn jippottja l-aħħar tliet boċċi, blu, roża u sewda biex jirbaħ dak il-frame wara li kien 50-58 minn taħt. Dan kien il-punt kruċjali għal Busuttil li seta’ għalaq il-logħba.
Busuttil beda tajjeb u rebaħ l-ewwel frame wara li wettaq break ta’ 81 punt. Milne dejjem ippareġġja fil-pront iżda Busuttil dejjem mar fil-vantaġġ fil-frame suċċessiv. L-istorja kienet differenti meta waslu għas-seba’ u l-frame deċiżiv fejn Milne fetaħ vantaġġ sod wara break ta’ 41 punt biex rebaħ il-konfront 4-3 bil-punteggi tal-frames ikunu 109-7; 27-102; 77-14; 0-67; 52-41; 58-68; 9-66.
B’hekk tintemm l-avventura taż-żewġ plejers Maltin li rrappreżentaw lil pajjiżna waqt dan Kampjonat tad-Dinja tal-World Snooker Federation wara li Alex Borg, ilbieraħ, tilef fir-round preliminari tan-knock out.
Għal Aaron Busuttil l-appuntament internazzjonali li jmiss ikun aktar tard dan ix-xahar meta fis-17 ta’ Frar ġewwa n-Northern Snooker Centre, f’Leeds, ser jikkompeti fis-seba’ event tal-Q Tour tal-Ewropa u r-Renju Unit. Dan ikun is-seba’ u l-aħħar turnament għal dan l-istaġun. Busuttil din is-sena ħa sehem f’kull event u spiċċa mal-aħħar sittax fir-raba’ tappa li kienet saret South Staffordshire.