Fit-tmiem il-ġimgħa ġiet fit-tmiema s-sitt ġurnata mill-Kampjonat Premier bit-tim ta’ Hamrun Spartans issa jinsabu weħidhom fil-quċċata tal-klassifika wara li għelbu lill-Valletta 1 – 0 filwaqt li Birkirkara FC ġew miżmuma minn Gudja United fid-draw ta’ 1 – 1.
F’partita sabiħa fl-Stadium Nazzjonali f’Ta’ Qali, Hamrun, minkejja mhux bl-aħjar prestazzjoni, ħadu dak li riedu mill-partita sabiex mhux biss għelbu lir-rivali tagħhom Valletta FC iżda telaw għal ewwel darba weħidhom fil-quċċata tal-klassifika wara li Birkirkara, li sal-ħames ġurnata kienu rebħu l-partiti kollha, ġew miżmuma minn Gudja United f’parita ta’ 1 – 1.
Is-Sibt ukoll wasal l-ewwel punt tal-staġun għal Santa Lucia meta kontra Marsaxlokk spiċċaw il-konfront 2 – 2. Anke Mosta r-reġistraw it-tieni draw konsekutiv meta temmew il-konfront kontra Floriana fid-draw ta’ 1 – 1.
Il-Ġimgħa, fl-ewwel partita mis-sitt ġurnata, Hibernians għelbu lill-Żebbuġ Rangers 1 – 0 biex b’hekk għalihom din kienet it-tielet rebħa staġjonali.
Rebħiet importanti fis-sitt ġurnata r-reġistrawhom ukoll Gżira United u Balzan meta matul il-ġurnata tal-Ħadd huma għelbu lill-Sirens u Pieta Hotspurs rispettivament. Fl-ewwel partita tal-Ħadd Gzira kienu dominanti kontra t-tim minn San Pawl il-Baħar fejn rebħulhom 3 – 0 filwaqt li Pieta ma għamluha xejn faċli lil Balzan minkejja li dawn tal-aħħar rebħu 3 – 2.