Fi tmiem din il-ġimgħa jintemm il-Kampjonat Premier għall-istaġun 2023 / 2024. Fil-fatt, matul il-ġurnata tal-Ħamis intlagħbu l-ewwel żewġ partiti mis-26 ġurnata, liema partiti ftit li xejn kien fihom interess.
Kif mistenni Sliema Wanderers għelbu lill-Sirens 3 – 0 filwaqt li Valletta għelbu lil Gudja United 5 – 2.
Il-ġurnata tal-Ġimgħa hija waħda kruċjali hekk kif fiha ser isir magħruf min se jkun ir-raba tim li se jingħaqad ma’ Valletta FC, Sirens u Gudja United f’dik li hija relegazzjoni għall-BOV Challenge League. Għal din il-ġurnata l-MFA ħasbet sabiex erba’ partiti jintlagħbu fl-istess ħin, jiġifieri fil-19.00.
Fis-Centenary Stadium Sta Lucia jilagħbu kontra Birkirkara; logħba li bla dubju hija importanti ħafna għal Sta Lucia u mhux daqshekk għal Birkirkara hekk kif l-uniku tama tal-istripes li jilagħbu f’kompetizzjoni Ewropea huwa billi jirbħu l-IZIBET FA Trophy. Draw jista’ jkun biżżejjed għal-Luċjani iżda b’rebħa jkunu ċerti li staġun ieħor jerġgħu jilagħbu mal-elite.
Importanti d-dwell fit-Tony Bezzina Stadium hekk kif il-ġirien Mosta u Naxxar Lions jilagħbu kontra xulxin fl-aħħar logħba tal-Kampjonat. Mosta jridu akkost ta’ kollox jirbħu u jistennew ir-riżultati tat-timijiet l-oħra sabiex jkunu jafu d-destin tagħhom. Rebħa għal Mosta tista’ ma tkunx biżżejjed jekk it-timijiet ta’ fuqhom jiġifieri Santa Lucia, Gżira u Balzan ma jwaqqgħux il-punti. It-tragward ta’ Naxxar huwa milħuq u għalhekk staġun ieħor se jerġgħu jilagħbu fil-Premier.
Fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali Gzira jilagħbu kontra Floriana. Anke f’din il-partita, draw jista’ jkun biżżejjed għall-Maroons iżda b’rebħa jkunu ċerti li anke huma staġun ieħor jilagħbu fil-Premier. Wara d-diżappunt tal-ġimgħa li għaddiet, Floriana se jippruvaw tal-anqas joffru prestazzjoni denja għalkemm il-kowċ Mauro Camoranesi f’moħħu se jkollu s-semifinali tal-IZIBET FA Trophy ta’ nhar it-Tlieta kontra l-istess Gżira u mhux eskluż li jibdel xi ftit il-plejers tiegħu sabiex it-Tlieta jkollu l-aqwa plejers disponnibbli.
L-anqas konfront ta’ importanza huwa dak fil-Victor Tedesco Stadium hekk kif Marsaxlokk jilagħbu kontra Balzan. Balzan qegħdin fl-aħjar pożizzjoni meta kkumparat ma’ Gżira, Santa Lucia u Mosta. Rebħa jew draw huma biżżejjed għat-tim immexxi minn Oliver Spiteri u anke sa ċertu punt telfa tista’ twassal għal konferma oħra fil-Premier; għalkemm din il-possibilità tiddependi mir-riżultati tat-tliet timijiet l-oħra. Ir-raba’ post huwa ta’ Marsaxlokk b’dawn tal-aħħar issa ċerti li kemm-il darba l-IZIBET FA Trophy ma tintrebaħx minn Birkirkara jew Gżira United, ikunu huma li jikkompetu fil-UEFA Conference League.
Fl-aħħar jiem tqajjmu spekulazzjonijiet dwar l-eleġibilità ta’ Marsaxlokk FC, liema spekulazzjoni ġiet imxekkla mill-amministrazzjoni tal-istess klabb hekk kif ir-regolamenti tal-UEFA jgħidu li każijiet ta’ influwenzar jew tranġar ta’ riżultati li saru qabel l-2014 jiġu preskritti. Marsaxlokk FC kellhom każ similli, liema każ imur lura għall-2009.
Il-mistoqsija tibqa’ waħda: Balzan, Gżira, Santa Lucija jew Mosta se jingħaqdu ma’ Valletta, Sirens u Gudja f’dik li qed titqies bħala l-aktar darba li se jiġu relegati timijiet mill-Kampjonat Premier għall-ewwel diviżjoni?