Il-plejer Malti Clayton Castaldi jinsab fil-finali tal-kampjonati mondjali tal-Pool li qedin issiru fil-Marokk. F’semi finali mill-aktar eċċitanti Castaldi għeleb lil Richard Gifford minn Wales bl-iskor ta’ 10-9. Wara li kien 4-0 minn taħt Castaldi żamm kalm u b’ determinazzjoni ħareġ rebbieħ fil-frame deċisiv fost l-entuzjazmu tas-supporters u kollegi Maltin. Il-finali ser tintlaghab ghada fl-4.15 pm ħin ta’ Malta.
It-tim taż-żgħażagħ ta’ taħt it-tmintax -il sena kiseb post fil-finali tal-kategorija b’rebha konviċenti ta’ 8-2 fuq l-Irlanda u issa jiltaqgħa fil-finali kontra t-tim tal-Afrika ta’ Isfel li fis-semi finali għeleb lill-Awstralja 8-7. Il-logħba tintlagħab it-Tlieta tard filgħaxija.
Sadanittant it-tim Malti tal-irġiel tilef fil-fażi tal-kwarti tal-finali kontra l-Irlanda 11-5 filwaqt li t-rim tal-Over 50’s ġie megħlub fis-semi finali mit-tim nazzjonali Ingliz 8-4. Iż-żgħażagħ Maltin ta’ taħt it-tlieta u għoxrin sena ġew ukoll eliminati fis-semi finali mit-tim tal-Marokk li ħareġ rebbieħ bl-iskor ta’ 5-2.
Iz-żagħżugħ Steve Muscat ġie megħlub fis-semi finali tal-kategorija Under 18’s mill-Awstraljan Joshua Hands 7-5.