It-tielet jum tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker li qed isir f’Antalya, t-Turkija għal darb’oħra kien iddominat mill-aħħar logħbiet tal-fażi tal-gruppi. Malta kien impenjata f’sitt logħbiet li minnha rebħet tnejn.
Sitt plejers minn seba’ kienu diga’ kkwalifikaw għat-tieni fażi u ħafna mill-logħbiet kellhom jiddeterminaw ir-rebbieħa tal-gruppi. Chris Peplow kompla jikkonsolida l-ewwel post fi Grupp I u rebaħ dan il-grupp wara rebaħ ta’ 3-0 kontra l-Kroat, Filip Bermanec filwaqt li Aaron Busuttil illum sofra telfa kontra l-Pollakk, Paweł Rogoza, 3-2 pero’ xorta spiċċa r-rebbieħ ta’ Grupp N. Bħala rebbieħa tal-Grupp issa Peplow u Busuttil għaddew direttament għar-rawnd tal-aħħar 64 li jintlagħab fuq l-aħjar minn seba’ frames.
Philip Ciantar kien ir-rebbieħ l-ieħor iżda huwa kien diga’ eliminat wara it-tieni ġurnata. Ciantar rebaħ kontra l-Ungeriż, Noel Németh-Nagy, 3-1.
Il-plejers l-oħra Maltin kollha ħarġu fuq in-naħa telliefa. Joseph Casha tilef, 3-2, fil-frame deċiżiv kontra l-Belġjan, Sybren Sokolowski. Arthur Cachia spiċċa 3-1 ma Andres Petrov tal-Estonja filwaqt li Alex Borg tilef, 3-0, kontra l-Ingliż, Steven Hallworth li huwa wieħed minn tmien plejers li s’issa ma tilfu l-ebda frame. L-avversarji tal-Maltin eventwalment rebħu l-grupp rispettiv tagħhom.
Bħala riżultat wara l-ewwel rawnd Malta lagħbet f’21 logħba li minnhom il-plejers Maltin rebħu 13.
Wara li ntemmew l-logħbiet kollha u saru magħrufa s-86 plejer li kkwalifikaw għat-tieni fażi, l-European Billiards and Snooker Association ħabret il-lista tal-logħob kollu fir-rawnds tan-knockout. Minn spiċċa mal-aħħar 44 ser jilgħab f’logħba preliminari li minnhom joħorġu t-22 li jridu jingħaqdu mat-42 li għaddew direttament għar-rawnd tal-aħħar 64.
Fir-raba’ jum tal-kampjonat, il-Ħamis, barra dawn logħbiet ser isir ukoll ir-rawnd tal-aħħar 32 biex sat-tmiem il-jum ikunu magħrufa l-aħħar 16. Il-logħob tal-players Maltin fl-ewwel parti tal-fażi tan-knockout ser ikun hekk:
08:00 Preliminari Arthur Cachia vs John Sutton (Irlanda)
08:00 Preliminari Alex Borg vs Alain Vergère (Svizzera)
08:00 Preliminari Brian Cini vs Sam Thomas (Wales)
10:00 Preliminari Joseph Casha vs Mihai Vladu (Rumanija)
10:00 Last 64 Aaron Busuttil vs Umut Dikme (Ġermanja)
14:00 Last 64 Chris Peplow vs kontra r-rebbieħ minn rawnd ta’ qabel
Peplow jilgħab kontra ir-rebbieħ bejn l-Iskoċċiż, Michael Collumb jew l-Olandiż, Dennis Van Der Zee
Nota: Il-ħinijiet ta’ din l-iskeda huma skond il-ħin ta’ Malta