Is-Sibt filgħaxija ġie fi tmiemu l-Kampjonat tal-Ewropa meta fil-finali tal-kategorija tal-irġiel l-Iskoċċiż Ross Muir rebaħ lil kompatrijott Michael Collumb. Din it-tlettax il-ġurnata ta’ dan il-kampjonat illum filfatt fetħet aktar kmieni bis-semi finali fejn iż-żewġ Skoċċiżi, Muir u Collumb, rebħu l-logħbiet tagħhom bi skor identiku ta’ 4-1 u t-tnejn inċidentalment tilfu l-ewwel frame. Huma għelbu lill-Fillandiż Robin Hull u lill-Irlandiż Ross Bulman rispettivament.
Fil-finali ta’ din l-edizzjoni Muir mill-ewwel deher ftit aħjar u rebaħ l-ewwel żewġ frames 83-9 u 110-9, fejn f’dan tal-aħħar Muir wettaq l-aħjar break tal-logħba bi 88 punt. Collumb ipprova ma jħallix il vantaġġ ikompli jikber u rebaħ it-tielet frame 63 b’42 iżda Muir reġa wera li kien superjuri u rebaħ it-tliet frames suċċessivi, 70-47, 79-41. Fl-aħħar frame kiseb punteġġ dominanti ta’ 96-1.
B’din ir-rebħa Muir ikun nominat mill-European Billiards and Snooker Association biex jirċievi World Snooker Tour Card għall-istaġuni 2023/24 u 2024/25 u b’hekk jerġa jsib posthu bħala professjonali wara li 2019 kellu jiritira għal ftit xhur minħabba ragunjiet ta’ saħħa u rritorna sena wara bi status ta’ amateur fejn f’dan l-istess kampjonat li kien sar Portugall f’Marzu tal-2020 kien tilef fis-semi-finali kontra Andrew Pagett ta’ Wales li dik is-sena kien rebaħ dan il-kampjonat.
Din kienet ir-raba’ darba li player mill-Iskozja rebaħ dan l-unur. Ir-rebbieħa preċedenti kienu 1996 Graham Horne, 2012 Scott Donaldson u 2017 Chris Totten.
Kif spiċċat il-finali l-President tal-European Billiards and Snooker Association, Maxime Cassis u l-President tal-Malta Billiards and Snooker Association, Ivan Brincat għamlu l-preżentazzjonijiet lir-rebbieħa.
L-aqwa break f’din il-kategorija kisbu Iulian Boiko tal-Ukranja b’139 punt iżda matul din l-edizzjoni kien it-tfajjel ta’ 15-il sena mill-Latvja Andrejs Pripjoks li fil-kategorija ta’ Taħt it-18-il sena wettaq l-aħjar break overall b’total ta’ 141 punt.
Dan kien is-seba’ jum ta’ kompetizzjoni fil-kategorija tal-irġiel fejn matulhom saru 415 il-partita u wara total ta’ 1664 frame kellna suċċess ieħor Skoċċiż li nistgħu ngħidu li ddominaw din l-edizzjoni f’pajjizna meta ittrijonfaw bir-rebħ ta’ tlett unuri minn erba’. Aktar kmieni f’dawn l-aħħar tlettax il-ġurnata Jack Borwick kien rebaħ il-finali ta’ Taħt it-18-il sena u Liam Graham ġie ddikjarat champion ta’ Taħt il-21 sena.