Il-qofol tat-tielet ġurnata tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker kienet il-finali ta’ Taħt is-16-il sena fejn l-Skoċċiz Jack Borwick għeleb lil Maksim Kostov tal-Bularija 3-1. Din kienet l-ewwel minn sensiela ta’ tlett finali fil-kategorija tal-Juniors sakemm il-Ħadd li ġej tibda il-parti ewlenija ta’ dawn il-kampjonati; il-kompetizzjoni tal-irġiel.
Il-finali kienet l-aħjar minn ħames frames u Borwick mill-ewwel bena vantaġġ tajjeb wara li rebaħ l-ewwel żewġ frames 69-36 u 71-30 pero’ fit-tielet frame Kostov irnexxielu jnaqqas id-distakk wara li rebaħ b’punteġġ ta’ 57-17. Borwick kien ferm aktar preċiż fil-frame suċċessiv u bena vantaġġ sod ta’ 66-2 tant li Kostov cconċeda l-frame meta kien jonqos ħamra u l-kuluri kollha x’jintlagħabu.
Wara l-finali l-President tal-European Billiards and Snooker Association, Maxime Cassis u l-President tal-Malta Billiards and Snooker Association, Ivan Brincat għamlu l-preżentazzjonijiet lir-rebbieħa. F’din il-kategorija l-aħjar break tal-kompetizzjoni ġie miksub mill-player Polakk Michał Szubarczyk, bi break ta’ 60 punt.
Il-logħbiet l-oħra kienu kollha mill-fażi tal-gruppi ta’ Taht it-18-sena fejn mill-players żgħażagħ Maltin Luke Pace irnexxielu jikseb rebħa ta’ 3-0 kontra li minn Roman Gritco mill-Moldova pero’ din ma kienetx biżżejjed biex jgħaddi għal fażi tan-Knock Out. L-istess Pace għada jibda l-impenji tiegħu fis-sezzjoni ta’ Taħt il-21 sena. Iż-żewġ Maltin l-oħra li ser jikkompetu f’din il-kategorija huma Jake Agius u Xavier Rizzo.
Fil-programm tal-Ħamis 9 ta; Marzu, barra li jingħata l-bidu għall-kampjonat ta’ Taħt il-21 sena, jkollna l-fażi tal-aħħar sittax u l-kwarti finali ta’ Taħt it-18-il sena.
Din il-kategorija tiġi fl-għeluq tagħha l-Ħamis bis-semi finali u l-finali.