Iż-żgħażugħ Ungeriż Bulcsú Révész sar ic-Champion Ewropew ta’ Taħt it-18-il sena wara li rebaħ il-finali ta’ din il-kategorija kontra l-Ingliż Liam Pullen bil-frame deċiżiv għall-punteġġ finali ta’ 4-3.
Din il-finali svolgiet f’waħda mill-aktar bilanċjata u wara l-ewwel erba’ frames il-punteġġ kien wieħed 2-2 pero’ Pullen rebaħ il-ħames frame reġa ħa l-vantagg. Fis-sitt frame Révész wera t-talent tiegħu u rebħu bi clearance break ta’ 78 punt. Fis-seba’ u l-aħħar frame Révész mar fuq quddiem mill-bidunett u minkejja li għamel foul għax laqat is-sewda, l-vantaġġ li bena ta’ aktar minn 30 punt kienu biżżejjed biex rebħu dan it-titlu presitġjuż.
Ta’ min issemmi li Ungeriż Révész ikkwalifika għal din il-finali wara li kemm fil-kwarti finali u anke’ fis-semi finali rebaħ is-sebgħa u l-aħħar frame deċiżiv kontra ż-żewġ players tal-Latvja Filips Kalniņš u Artemijs Žižins rispettivament.
Iż-żewġ finalisti, Révész u Pullen, illum is-Sibt jerggħu jilgħabu kontra avversarji differenti mal-aħħar 32 fil-kategorija ta’ Taħt il-21 sena.
Wara l-finali l-Viċi-President tal-European Billiards and Snooker Association, Ricardo Salgado u l-President tal-Malta Billiards and Snooker Association, Ivan Brincat għamlu l-preżentazzjonijiet lir-rebbieħa. Bħala l-aqwa break kien il-player tal-Latvja Andrejs Pripjoks li wettaq break eċċezzjonali ta’ 141, li s’issa huwa l-aqwa wieħed waqt dan il-kampjonat.
Il-programm ta’ logħob li jmiss fis-sitt jum ta’ dan il-kampjonat ser ikun kollu mill-kompetizjoni ta’ Taħt il-21 sena fejn wara li tard il-Ġimgħa saru magħrufa l-aħħar 32 fl-ewwel sessjoni tas-Sibt filgħodu jintlagħbu s-16 il-logħba ta’ din il-fażi.
Aktar tard wara nofs in-nhar jkollna l-konfronti tal-aħħar sittax u anke’ l-kwarti finali. Illum il-logħob huwa pprogrammat li jitlesta kmieni peress li filgħaxija ssir iċ-ċeremonja tal-ftuħ. Din isservi bħala okkazzjoni li tlaqqa ħafna mis-177 player li matul il-jum tal-Ħadd jibdew l-impenji tagħhom fil-katergorija tal-irġiel. Bla dubju dan huwa l-qofol ta’ din l-edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew li ser jara rappreżentanza minn 40 pajjiż differenti fosthom Malta.
Dawn il-pajjiżi huma kollha membri tal-European Billiards and Snooker Association li b’kollox għandha fi ħdanha 49 pajjiż.