Il-Ħamis bdiet il-fażi tan-Knock Out ta’ dan il-Kampjonat Ewropew u mis-sitt players Maltin li kienu kkwalifikaw mill-gruppi issa jonqos biss Alex Borg li bieraħ rebaħ liż-żewġ Maltin oħra, Arthur Cachia u Brian Cini biex issa avvanza għal mal-aħħar sittax.
Il-veteran ta’ 53 sena, Alex Borg wera li l-esperjenza f’din it-tip ta’ kompetizzjoni tista tkun fattur importanti li tersaq aktar qrib anke’ jekk il-players avversarji jkollhom talent. Borg kien player professjonali għal diversi snin u sal-istaġuni 2019/20 u 2020/21 kien ħa sehem anke’ fil-World Snooker World Tour. Barra minn hekk kien rebaħ dan il-Kampjonat Ewropew għal sentejn konsekuttivi, fl-2005 fil-Polonja u 2006 fir-Rumanija filwaqt li fl-2004 Awstrija kien spiċċa ‘runner up’.
Fl-ewwel logħba mill-aħħar 64 kontra Arthur Cachia, Borg ftit ta’ cans lil avversarju u f’kull frame beda jibni vantaġġ li deher li ser iressqu għal rebħa konvinċenti b’punteġġ ta’ 4-0, mingħajr wisq diffikulta’. Ftit aktar minn siegħa wara kien ser ikollu jilgħab il-logħba tal-aħħar 32 u jiltaqa’ ma Brian Cini li ftit qabel kien għeleb bi ftit diffikulta’ lil Franċiż Nicolas Mortreux 4-3.
Forsi kienet ħasra li tara liż-żewġ Maltin jissilietu għall-kwalifikazzjoni f’din il-fażi u mhux fi stadju aktar avvanzat tal-kompetizzjoni. Alex b’kalma liema bħala mill-ewwel bena’ vantaġġ tajjeb u rebaħ l-ewwel tliet frames 75-23, 72-30 u 71-46. Matul dan il-kampjonat kienet l-ewwel darba li Brian kien tliet frames min taħt iżda irnexxielu jnaqqas id-distakk billi irrisponda bi break ta’ 50 punt fejn rebaħ r-raba’ frame 83-13 u dak suċċessiv 58-39 u b’riżultat parzjali ta’ 3-2 kien reġa daħal sew fil-partita. Fis-sitt frame Alex wettaq break ta’ 54 punt u minkejja li Brian pprova diversi tentattivi biex jagħtiħ maskla li kellu bżonn anke’ meta kien għad fadal biss il-boċċi roża u s-sewda, Alex għalaq il-konfront wara li ppottja l-boċċa r-roża u rebaħ il-frame 66-41 u għalaq il-logħba bi skor finali ta’ 4-2.
Illum il-Ġimgħa Alex Borg jilgħab waħda mit-tmien logħbiet tal-aħħar sittax fl-10 a.m. u jiltaqa’ kontra Rodion Judin tal-Latvja.
Mill-logħbiet l-erba’ logħbiet l-oħra li l-Maltin lagħbu l-Ħamis, Philip Ciantar kellu jilgħab f’logħba preliminari biex isib post mal-aħħar 64 player fil-kompetizzjoni. Fiha kellu rebħa konvinċenti ta’ 4-0 kontra l-Olandiż Mario Wehrmann biex mal-aħħar 32, ftit wara, lagħab kontra David Vaitzman tal-Iżrael li huwa wieħed tlett players li matul il-fażi tal-gruppi ma tilfu l-ebda frame. Kien konfront ibbillanċjat minkejja li Vaitzman wara r-raba’ frame kien 3-1 min iżda Ciantar jirrispondi tajjeb u il-logħba kellha tingħalaq bil-frame deċiżiv. Hawnhekk kien Ciantar li naqqas milli japprofitta ruħu mill-vantaġġ li kellu sakemm Vaitzman reġa’ daħal fil-logħba u għalaq l-aħħar frame għal riżultat finali ta’ 4-3 favuru.
Fil-konfronti l-oħra Frans Mintoff ftit offra oppożizzjoni li Eden Sharav tal-Iżrael u dan tal-aħħar kellu rebħa faċli 4-0. Tajjeb li wieħed issemmi li dan il-player huwa ex-player professjonali tas-Snooker li rebaħ card għal World Snooker Tour għall-istaġuni 2015/16 u 2016/17.
Anke’ Aaron Busuttil mal-aħħar 64 kellu jiltaqa’ mal-Fillandiż Robin Hull li għal ħafna snin kien professjonali f’dan l-isport u barra li jitqies bħala wieħed mill-aqwa players tas-snooker li ħarġu mill-pajjiżi Nordiċi f’kull żmien huwa kien rebaħ dan il-Kampjonat Ewropew fis-snin 1997 u 2013 u kien spiċċa ‘runner up’ fl-ediżżjoni tal-1993. Minkejja dan Busuttil żam sew il-pass mal-Fillandiż tant li logħba ġiet deċiża fis-seba’ frames u bi ftit attenzjoni l-Malti setgħa jsib postu mal-aħħar 32.
Illum barra l-konfront ta’ Alex Borg kontra Rodion Judin tal-Latvja mal-aħħar 16, is-seba’ logħbiet l-oħra ser ikunu dawn Florian Nüßle (Awstrija) kontra Shachar Ruberg (iżreal), Ross Muir (Skozja) kontra Heikki Niva (Fillandja), Robin Hull (Fillandja) kontra Jack Bradford (Wales), Liam Graham (Skozja) kontra Harvey Chandler (Ingilterra), Bulcsú Révész (Ungerija) kontra Ross Bulman (Irlanda), Ashley Carty (Ingilterra) kontra Michael Collumb (Skozja) u Brendan O’Donoghue (Irlanda) kontra Iulian Boiko (Ukranja). Fost l-aħħar sittax għad hemm ż-żewġ players li l-ġimgħa l-oħra rebħu l-Kampjonat ta’ Taħt it-18-il-sena, Bulcsú Révész u ta’ Taħt il-21 sena, Liam Graham.