Illum matul it-tmien jum tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker li qed isir f’Albena, l-Bulgarija l-logħob kollhu tal-ġurnata kien iddedikat lil kompetizzjoni tax-Shoot-Off li fiha t-tmien players tal-kontingent Malti ħadu sehem. L-aħjar li mar kien Chris Peplow li wasal sal-kwarti finali qabel ma ġie eliminat.
Din il-kompetizzjoni li kellha format ta’ knock out u ntlagħabet fuq frame biss ta’ 10 minuti bl-arloġġ.
L-ewwel Malti li ħa sehem kien Duncan Bezzina li l-avversarju tiegħu ġie mibdul min dak li kellu jilgħab miegħu pero’ ħareġ rebbieħ fl-ewwel round kontra Mykhailo Larkov tal-Ukrenja iżda tilef fir-round tal-aħħar 32 kontra l-Ungeriż Bulcsú Révész li f’Marzu li għadda f’Malta kien sar ic-Champion Ewropew ta’ Taħt it-18-il sena.
Il-prestazzjoni ta’ Issac Borg u Philip Ciantar kienet bħal ta’ Bezzina eżatt peress li rebħu fl-ewwel round iżda ġew eliminati fir-round tal-aħħar 32.
Isaac Borg rebaħ kontra Tomasz Skalski tal-Polonja iżda ħareġ fuq in-naħa telliefa kontra ż-żgħażugħ Ukren Matvei Lagodzinschii. Philip Ciantar min naħa tiegħu rebaħ dak li fuq il-karta wieħed seta’ jsejjħilha polza iebsa peress li l-ewwel avversarju tiegħu kien ic-champion tas-seniors għal 13-il darba Darren Morgan ta’ Wales. Ciantar ħareġ rebbieħ ma dan pero’ wara tilef kontra l-Ingliż Harvey Chandler.
Arthur Cachia u Joseph Casha ġew eliminati mill-ewwel wara li tilfu kontra Ben Fortey ta’ Wales u t-Tork Ismail Türker rispettivament.
Aaron Busuttil wasal sal-aħħar 16 u rebaħ darbtejn, kontra ż-żgħażugħ mill-Armenja Mikayel Nersisyan u l-Belġjan Patrick Geysels iżda tilef kontra l-Polakk Mateusz Baranowski.
Fost il-Maltin l-aktar konfront mistenni kien dak tal-aħħar 32 wara li Chris Peplow rebaħ fl-ewwel round kontra l-Bulgaru Tsanko Dimitrov. F’din il-parti daħal Alex Borg li fl-ewwel round kien telgħa bye iżda kellu mill-ewwel jiltaqgħa ma’ Peplow f’din il-fażi. Kien Peplow li ħareġ rebbieħ u ftit wara reġa kellu rebħa oħra kontra ż-żgħażugħ Ukren Matvei Lagodzinschii li miegħu ġie eliminat Isaac Borg aktar kmieni. Il-mixja ta’ Peplow pero’ ntemmet fil-kwarti finali wara li tilef Eden Sharav ta’ Iżreal.
Il-kompetizzjoni tax-Shoot-Out li ġiet fi tmiemha aktar tard filgħaxija ġiet mirbuħa miż- żgħażugħ Ukren Iulian Boiko.
Għada t-tmien players Maltin jibdew l-aħħar parti tal-Kampjonat, il-kompetizzjoni tat-timijiet. Fil-kategorija tal-Irġiel Tim Malta 1 ser ikun kompost minn Aaron Busuttil u Isaac Borg li bħala avversarji ser ikollhom lil Franza 1, Polonja 2 u Ukranja 1 u jinsabu fi Grupp C.
Fit-Tim 2 Malti, il-players huma Chris Peplow u Joseph Casha u magħhom fi Grupp A hemm Polonja 1, Irlanda 1, Ukranja 3 u Bulgarija 2.
Fil-kategorija tas-seniors, Malta ser tkun irrappreżentata b’żewġ timijiet ukoll. Tim 1 kompost minn Alex Borg u Duncan Bezzina jridu jilgħabu kontra Ingilterra 1, Belġju 2 u l-Iskozja filwaqt li Tim 2 li ser jiltaqa’ ma’ Belġju 1, Wales 2 u l-Italja ser ikun iffurmat minn Philip Ciantar u Arthur Cachia.