Il-Kampjonat Ewropew Indiviwali tal-Irġiel tas-Snooker li qed isir f’Sarajevo, l-Bosnja-Ħerżegovina daħal fil-fażi intesiva tan-knock out u wara ġurnata sħiħa li ntemmet wara s-2.00 a.m. mis-sitt Maltin li għaddew għal din il-fażi Brian Cini rrnexxielu jikseb post mal-aħħar 16 fejn waqt il-logħba tiegħu mill-aħħar 64 wettaq it-tieni l-aqwa break tal-kompettizjoni b’punteġġ ta’ 137.
B’kollox saru 76 logħba fejn mir-round preliminari magħruf bħala dak tal-aħħar 96, kien Isaac Borg biss li safa’ eliminat wara li tilef kontra tal-Ukranja Matvei Lagodzinschii 4-2. F’dan ir-round Arthur Cachia għeleb lil Bulgaru, Viktor Ivanov 4-2, Chris Peplow rebaħ kontra Jonni Fulcher tal-Svizzera 4-1 filwaqt li veteran Alex Borg daħal ukoll fil-lista mal-aħħar 64 wara li kellu rebħa tajba ta’ 4-2 kontra Michal Frank tas-Slovakkja.
B’hekk il-players Maltin fir-round suċċessiv kienu ħamsa. B’din il-fażi ż-żewġ veterani Maltin ġew eliminati. Arthur Cachia tilef kontra l-Pollakk, Antoni Kowalski 4-1 filwaqt li Alex Borg tilef kontra l-Irlandiż Rodney Goggins 4-1. Minn naħa l-oħra l-aqwa tlett players Maltin, Aaron Busuttil, Brian Cini u Chris Peplow Maltin rebħu u kisbu post mal-aħħar 32. Peplow kellu rebħa ferm tajba ta’ 4-2 kontra l- Pollakk, Mateusz Baranowski li waqt il-logħbiet tal-gruppi ma kien falla l-ebda frame u għal din il-fażi kien irrankjat bħala numru tmienja. Ic-champion Malti, Busuttil, għeleb lil Andrejs Pripjoks tal-Latvja f’logħba fejn il-frames deċiżiv mar favur il-Malti wara skor ta’ 4-3. Cini kontra Ales Herout tar- Repubblika Ċeka wera l-aqwa l-logħob tiegħu partikolarment fil-ħames frame meta għamel clearance bi break ta’ 137 punt.
Għal ħabta ta’ nofs il-lejl beda r-round tal-aħħar 32 fejn fih Aaron Busuttil tilef 4-0, kontra l-Irlandiż Rodney Goggins li aktar kmieni kien elimina lil Alex Borg filwaqt li Chris Peplow tilef kontra l-Franċiż Brian Ochoiski 4-2 wara li l-Malti li bena vantaġġ ta’ żewġ frames fil-bidunett tal-logħba. Żgur li f’din il-fażi kien hemm l-għejja u l-pressjoni fuq it-32 player li waslu sa hawn iżda Brian Cini żamm sod u għeleb lil Raymond Fry tal-Irlanda ta’ Fuq, 4-2 u sab postu mal-aħħar sittax.
Cini issa jmissu jilgħab kontra ż-żgħażugħ ta’ 17-il sena mill-Latvja, Artemijs Žižins li fil-mument huwa wieħed mill-aktar żgħażagħ promettenti fis-snooker Ewropew u wieħed mill-aqwa prodotti minn pajjiż tal-Lvant tal-Ewropa. Din l-logħba tintlagħab fuq l-aħjar minn seba’ frames u tibda fis-2 p.m.