Il-Ħamis f’Albufiera, l-Portugal, beda l-Kampjonat Ewropew Indiviwali tal-Masters tal-Irġiel tas-Snooker fejn il-players Maltin kisbu żewġ rebħiet konvinċenti ta’ 3-0 u żewġ telfiet indentiċi ta’ 3-1.
Il-veteran Malti, Alex Borg kellu jibda l-impenji tiegħu l-ewwel kontra l-Awstrijak, Bernhard Wallner iżda dan irtira mill-kompetizzjoni. Borg xorta kellu logħba aktar tard u kiseb rebħa ferm komda ta’ 3-0 kontra l-Ungeriż, Balázs Csurgó, bil-punteġġi tal-frames ikunu 75-11, 68-46, 82-42.
Philip Ciantar fl-ewwel logħba tiegħu kellu rebħa tajba ta’ 3-0 ukoll u ftit spażju lill-avversarju tiegħu Francisco Rodriguez ta’ Spanja jakkumula punti. Fil-fatt huwa rebaħ it-tliet frames, 60-38, 65-15, 67-12.
Iż-żewġ Maltin l-oħra li lagħbu fl-ewwel jum kienu Arthur Cachia u aktar tard David Zammit. Cachia tilef kontra l-Franċiż, Jérôme Chatet 3-1 filwaqt li Zammit tilef bl-istess skor kontra l-ex player professjonali Ingliż, Craig Steadman li din is-sena f’Sarajevo, l-Bosnja-Ħerżegovina kien tilef fil-finali tal-Kampjonat Ewropew Indiviwali tal-Irġiel wara li fis-semi finali kien għeleb lil Malti, Brian Cini.
Il-Gimgħa, fit-tieni jum ta’ kompetizzjoni, kull player Maltin irid jilgħab. Jidħlu fl-azzjoni Frans Mintoff u Ivan Attard li bħal Philip Ciantar u Arthur Cachia ser żewġ logħbiet fl-istess jum. Kemm Ciantar u kif ukoll Cachia jtemmu l-impenji tagħhom fil-fażi tal-gruppi.
Fixtures tat-tieni ġurnata tal-Kampjonat, fejn il-players Maltin huma mistennija jilgħabu f’dawn il-ħinijiet, il-ħin indikat huwa dak lokali:
11 a.m. Frans Mintoff vs Brendan O’Donoghue (Irlanda)
11 a.m. Ivan Attard vs Hans Nirnberger (Awstrija)
11 a.m. Arthur Cachia vs Dennis Van Der Zee (Olanda)
11 a.m. Philip Ciantar vs Andrej Maksimov (Litwanja)
5 p.m. Alex Borg vs Miro Popovic (Germanja)
5 p.m. David Zammit vs Joris Maas (Olanda)
5 p.m. Frans Mintoff vs Michael Philbin (Skozja)
9 p.m. Arthur Cachia vs Māris Volajs (Latvja)
9 p.m. Philip Ciantar vs Ville Pirilä (Fillandja)
9 p.m. Ivan Attard vs Gregory Cooke (Irlanda ta’ Fuq)