Dalgħodu Alex Borg safa’ eliminat waqt il-kompetizzjoni tas-6 Reds fil-fażi tal-Kwarti finali. Illum waqt is-seba’ jum tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker li qed isir f’Albena, l-Bulgarija qed titkompla din il-kompetizzjoni u aktar tard tiġi wkoll fi tmiemha bil-finali.
L-avversarju ta’ Borg fil-kwarti finali kien l-Ingliż Wayne Brown. Kien Borg li rebaħ l-ewwel żewġ frames iżda Brown irkupra u saħansitra mar 3-2 minn fuq wara break ta’ 68 punt fil-ħames frame. Borg irnexxielu jirbaħ is-sitt frame biex jisforza l-frame deċiżiv li fih Brown rega’ ħa l-vantaġġ biex kien hu li ħareġ rebbieħ bi skor finali ta’ 4-3 (38-22, 49-22, 6-49, 30-37, 0-68, 41-32 u 16-42).
Issa li tlestiet is-6 Reds għada jkun imiss il-kompetizzjoni tax-Shoot-Out li tintlagħab fuq ġurnata waħda. Din għandha format ta’ knock out u tintlagħab fuq frame wieħed biss li jkollu allokat 10 minuti.
Il-kontiġent Malti issa huwa ffurmat minn tmien peress li ħames oħra telgħu biex jieħdu sehem fl-aktar kategoriji importanti ta’ dan il-Kampjonat tal-Ewropa li hija dik tat-timijiet u li tibda nhar it-Tlieta.
Fl-ewwel round tax-Shoot-Out tmien players Maltin ser jilgħabu hekk; Duncan Bezzina vs Pavel Rogoza (Polonja), Arthur Cachia vs Ben Fortey (Wales), Isaac Borg vs Tomasz Skalski (Polonja), Chris Peplow vs Tsanko Dimitrov (Bulgarija), Aaron Busuttil vs Mikayel Nersisyan (Armenja), Philip Ciantar vs Darren Morgan (Wales) u Joseph Casha vs Ismail Türker (Turkija). Ma dawn ikun jonqos Alex Borg li fl-ewwel round jinsab bye u jidħol mir-round ta’ wara li jkun mal-aħħar 32. Huwa jilgħab kontra minn jirbaħ il-konfront bejn il-Malti Chris Peplow u l-Bulgaru Tsanko Dimitrov.